L-FA Ġermaniża qed tqis lil Jurgen Klopp bħala wieħed mill-kandidati ewlenin biex jieħu t-tmexxija tat-team nazzjonali.
Dan wara li nhar il-Ħadd, temmet ħesrem il-kuntratt tal-coach Hansi Flick li sar l-ewwel manager tal-Ġermanja li qatt tkeċċa wara telfa diżastruża ta’ 4-1 kontra l-Ġappun is-Sibt filgħaxija. Flick kien mexxa kampanja diżappuntanti tat-Tazza tad-Dinja, li fiha l-Ġermanja naqset milli tikkwalifika mill-fażi tal-gruppi, u sensiela oħra negattiva ta’ ħames logħbiet mingħajr rebħa minn Marzu.
Konxji mill-fatt li l-fażi finali tal-Euro 2024 se ssir fil-Ġermanja, il-Federazzjoni tinsab ħerqana li tissostitwixxi lil Flick b’maniġer tal-ogħla livell, u Klopp huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa għażliet tagħhom għall-pożizzjoni vakanti.
Id-DFB tant huma ossessjonati bi Klopp li saħansitra qed jikkunsidraw li jippermettu lil Klopp jara l-istaġun 2023/24 ma’ Liverpool qabel ma jieħu l-impjieg fuq bażi permanenti eżatt qabel il-Euro 2024.