Wednesday, December 25, 2024

Justin Bieber b’kawża għad-danni kontra żewġ nisa

Aqra wkoll

Allegazzjonijiet ta’ abbużi u attakki sesswali fuq Twitter kontra l-kantant

Il-kantant famuż Justin Bieber se jfittex żewġ persuni għad-danni wara li fuq it-Twitter allegaw li kienu attakkati sesswalment minnu. Bieber saħaq li dawn l-allegazzjonijiet huma kompletament foloz u huwa għandu l-provi dwar dak li qiegħed isostni.

Il-kantant, li għandu 26 sena, fetaħ kawża l-qorti kontra Danielle u Kadi, żewġ tfajliet li qalu li huma vittmi ta’ attakk sesswali fl-2014 u l-2015 rispettivament. Fl-aħbar li ħarġet ftit tal-ħin ilu mis-sit tax-show bitz “TMZ” ġie rrapportat li Bieber għandu provi konkreti biex juri li l-allegazzjonijiet huma foloz u li saru biss biex issirlu ħsara personali u fil-karriera tiegħu.

Danielle fuq Twitter kitbet li Bieber attakkaha fil-kamra li kellha fil-lukanda “Four Seasons” f’Texas nhar id-9 ta’ Marzu, 2014. Hija qalet li l-inċident seħħ fil-festival SXSW. Minkejja dan, Bieber irritalja billi qal li f’dak il-jum huwa kien f’Austin fejn la kien fil-lukanda msemmija u lanqas kellu kamra hemm.

Bieber żied jgħid li huwa u l-għarusa li kellu dak iż-żmien, Selena Gomez, kienu fi proprjetà mikrija u hija kienet miegħu l-lejl kollu. TMZ qal li l-kantant Kanadiż jemmen li Danielle vvintat l-istorja wara li ratu jiekol fir-ristorant tal-Four Seasons nhar l-10 ta’ Marzu.

Sadanittant tfajla oħra, Kadi, kitbet fuq Twitter ukoll li Bieber attakkaha sesswalment fil-kamra tiegħu fil-lukanda Langham fi New York fis-2.30 ta’ filgħodu nhar il-5 ta’ Mejju, 2015.

Fid-dokumenti ppreżentati minn Bieber fil-qorti, huwa sostna li Kadi hija ffissata fuqu u li dejjem tistennih fejn il-lukandi li jkun fihom bit-tama li tiltaqa’ miegħu. Huwa qal li din hija logħba maħmuġa kontrih u jissuspetta li l-accounts fuq Twitter bl-allegazzjonijiet huma fil-verità ta’ persuna waħda.

Ekonomija

Sport