Il-Juventus Club Vero Amore, l-ewwel klabb uffiċjali tas-supporters ta’ Juventus f’Malta, qed jiċċelebra l-50 anniversarju notevoli tiegħu din il-ġimgħa bi programm speċjali li se jilħaq il-qofol tiegħu biż-żjara ta’ erba’ eks players ikoniċi ta’ Juventus – Moreno Torricelli, Angelo Di Livio, Alessandro Birindelli, u Nicola Legrottaglie.
Il-klabb, li huwa t-tieni l-eqdem klabb uffiċjali tas-supporters ta’ Juventus fid-dinja, qed jimmarka dan it-tragward tad-deheb b’sensiela ta’ avvenimenti għall-kważi 600 membru tiegħu. Il-president ħabrieki tal-klabb Joseph Fenech esprima kemm eċċitament kif ukoll kburija għaċ-ċelebrazzjonijiet, minkejja l-ħafna sfidi loġistiċi involuti.
“Tragward tal-għaġeb, it-tieni l-eqdem klabb fid-dinja rikonoxxut uffiċjalment minn Juventus FC. Huwa programm mimli emozzjonijiet,” qal Fenech.
“Għandna pranzu ppjanat għall-Ġimgħa filgħaxija, filwaqt li s-Sibt se jkun il-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet b’avveniment fil-klabb tagħna fil-5PM fejn il-membri tagħna se jkollhom l-opportunità li jiltaqgħu mal-players. Matul il-lejla, l-isponsors tal-klabb tagħna se jiġu ppremjati wkoll.” Fenech żvela wkoll li filwaqt li l-klabb kellu l-għan li jospita ħames eks plejers, iżda kien imġiegħel jikkuntenta b’erbgħa minħabba limitazzjonijiet tal-baġit.
Minkejja li rċieva stedina mill-president ta’ Juventus, Gianluca Ferrero, għal avveniment f’Calabria, Fenech ammetta li l-klabb irrifjuta l-offerta, u pprefera konnessjoni aktar personali. “Konna nippreferu li l-president innifsu, id-direttur sportiv, jew saħansitra plejer iżuru l-klabb tagħna minflok. Dak hu li verament jonora lill-membri tagħna,” innota.
Fost il-mistednin speċjali, Moreno Torricelli, magħruf għall-oriġini umli tiegħu bħala mastrudaxxa qabel ma ngħaqad ma’ Juventus fl-1992, għamel 153 dehra fis-Serie A għall-Bianconeri, u skorja darba. Difensur tal-lemin bla heda, Torricelli rebaħ tliet titli tas-Serie A, Coppa Italia, u rebaħ it-trofew taċ-Champions League tal-1996.
Angelo Di Livio, imlaqqam “Soldatino” għall-qawwa bla heda tiegħu fuq il-ġenb tal-lemin, lagħab 186 logħba tas-Serie A għal Juventus, fejn skorja tliet gowls. Huwa rebaħ tliet titli tas-Serie A, iċ-Champions League tal-1996, u rrappreżenta lill-Italja 40 darba.
Alessandro Birindelli, difensur versatili li seta’ jilgħab fuq iż-żewġ naħat, qatta’ 11-il staġun ma’ Juventus, fejn akkumula 196 dehra fis-Serie A u skorja goal. L-unuri tiegħu jinkludu tliet titli tas-Serie A u Tazza Intertoto. Huwa kien ukoll wieħed mill-ftit li baqgħu mal-klabb matul il-kampanja tas-Serie B tiegħu fl-2006/07.
Il-player l-ieħor li s ejkun qed iżur Malta huwa Nicola Legrottaglie, difensur ċentrali b’saħħtu u b’esperjenza. Huwa lagħab 86 logħba fis-Serie A għal Juventus, fejn skorja ħames gowls, u għen lit-tim jirritorna fis-Serie A wara Calciopoli. Legrottaglie lagħab ukoll 16-il logħba mat-tim nazzjonali Taljan.
Fenech enfasizza l-importanza li l-membri jġeddu l-abbonamenti tagħhom għall-istaġun 2025/2026. “Is-sħubija hija prijorità għax dawn l-avvenimenti huma għalihom,” qal. Huwa kkonferma wkoll relazzjonijiet tajbin mal-klabb l-ieħor tas-supporters, Juventus Malta Club Cuore Bianconero. “Il-bieb dejjem miftuħ. Ma nemminx li għandu jkollna żewġ klabbs.”