Kenneth Tanti kellu t-talba tiegħu milqugħa mill-Qorti tal-Appell wara li fl-2016 kien instab ħati li sentejn qabel kien ipprova jdaħħal f’Malta għasafar protetti li kienu fil-bagalja tiegħu.
Kien fit-3 ta’ Frar tal-2014 meta waqt li kien dieħel lura Malta mill-Ajruport Internazzjonali, qanqal suspett lill-Uffiċjali tad-Dwana. Hu kien mar jikkaċċja r-Rumanija.
Hekk kif mill-bagalja bdiet ħierġa xi riħa, l-uffiċjali fetaħha u sabu erba’ għasafar protetti mejtin: tlieta Brajmla Ħamra (Ferruginous duck) u Blonġun Żgħir (Little grebe).
L-Ewwel Qorti kienet sabet lil Tanti ħati li pprova jdaħħal f’Malta għasafar b’mod illegali u għalhekk kienet immultatu €6,000, sena ħabs sospiża għal tliet snin kif ukoll tilef il-liċenzja tal-kaċċa għal għomru.
Il-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, qalet li kien hemm diversi nuqqasijiet dwar kif l-Ewwel Qorti waslet għall-ħtija. L-Imħallef Camilleri nnota li fost l-oħrajn fil-file kien hemm biss il-lista tax-xhieda mingħajr it-traskrizzjoni tax-xhieda tagħhom u lanqas ma kien hemm id-dokumenti mressqa mill-Prosekuzzjoni biex tipprova l-każ.
Għal Tanti dehru l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri.