Kai Azzopardi u Danica Bonello Spiteri lżammew it-titli ta’ Champion Nazzjonali Sprint Triathlon, meta l-Birkirkara St Joseph Sports Club ospita l-Kampjonati fis-Salina nhar il-Ħadd.
Ospitati taħt l-awspiċji tal-Federazzjoni Maltija tat-Triathlon u Corsa, il-Kampjonati Nazzjonali tat-Triathlon Sprint attiraw taħlita ta’ triathleti ta’ esperjenza, promettenti u ġodda fix-xena lokali.
Ħerqan li jżomm ismu mnaqqax fuq it-trofew tar-rebbieħa Kai Azzopardi kien l-ewwel triatleta li ħareġ mill-għawma ta’ 750m, u żamm postu fuq quddiem b’distakk komdu. L-għawwiema li daħlu warajħ fiż-żona tat-transizzjoni kienu Nicholas Sammut, Ryan Muscat u Keith Galea, dawn l-aħħar tnejn bit-tieni distakk minimu bejniethom. Azzopardi li ħareġ l-ewwel mit-transizzjoni żamm vantaġġ tajjeb, iżda Galea kien determinat li jiġġieled ukoll għat-titlu. Muscat u Josef Azzopardi kienu determinati li jiksbu post fuq il-podju. Azzopardi żamm il-vantaġġ sal-aħħar, fejn kiseb it-titlu f’ħin ta’ 59:18, titjib sostanzjali fuq il-ħin tas-sena l-oħra ta’ 1:02:04. Galea kiseb fit-tieni post b’Muscat jieħu t-tielet post.
Maya Schembri Rogers kienet l-ewwel mara li ħarġet mill-għawma. Dan ippermettielha tieħu l-vantaġġ quddiem Danica Bonello Spiteri u Keira Attard. Inċident żgħir fuq ir-rota ra lil Schembri Rogers titlef il-vantaġġ li kellha fuq Bonello Spiteri, minkejja dan Bonello Spiteri waqfet biex tassisti lil Schembri Rogers u tiżgura li setgħet tkompli ttellaq. Bonello Spiteri ħarġet rebbieħa wara li l-vantaġġ li kisbet fir-rota żammithu sal-aħħar. Fit-tielet post spiċċat Keira Attard, li żammet dan il-post mill-bidu nett tat-tellieqa.
Midalji lir-rebbieħa tal-podju tal-Kampjonati Nazzjonali ġew ippreżentati mill-Membru tal-Bord tal-Birkirkara St. Joseph Joseph Farrugia u s-Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Maltija tat-Triathlon Warren Muscat.
Il-Club ospita wkoll tiġrijiet taż-żgħażagħ, li kellhomp participażżjoni tajba. L-ewwel tlieta li spiċċaw għat-tliet Kategoriji kienu Kruiven Farrugia, Oliver Buccheri u Mickaya Fava (Kategorija 1), Neil Cassar, Leo Buccheri u Jake Refalo (Kategorija 2) u Aiden Muscat, Zija Fujii u Nathan Pace (Kategorija 3).
L-aħħar tiġrija tal-BSJ Go&Fun Triathlon Series se ssir il-Ħadd 16 ta’ Lulju fis-Salina. L-atleti jistgħu jagħżlu bejn Sprint jew Olympic Distance Triathlon.
Ir-reġistrazzjoni tat-tiġrijiet tista’ ssir online – https://bsj.mt/event/2023-bsj-olympic-distance-triathlon-race-2/
Il-Kampjonati Nazzjonali Go&Fun Sprint Triathlon kienu appoġġjati minn Go&Fun Green Energy Drink. Il-Klabb jixtieq jirringrazzja lill-Kunsill Lokali tan-Naxxar, lill-Pulizija tad-Distrett tan-Naxxar u lil Transport Malta tal-għajnuna tagħhom.