Kailey Willis hija player ġdida ta’ Brescia Calcio Femminile. L-attakkant Maltija ġiet żvelata mill-klabb nhar l-Erbgħa, hekk kif Willis se tilgħab fil-kampjonat tas-Serie B għall-istaġun 2025/2026.
Hija ngħaqdet ma’ Brescia b’self mingħand il-klabb tas-Serie A Parma, li magħhom kienet iffirmat kuntratt l-istaġun li għadda qabel ma qattgħet l-istaġun 2024/2025 ma’ Venezia, fis-Serie C.
“Ninsab kuntenta ħafna li nifforma parti minn dan il-klabb,” qalet Willis lill-websajt tal-klabb.
“Nittama li nista’ nrodd lura l-fiduċja li dan il-klabb qed juri fija u ninsab eċċitata li nibda dan il-kapitlu ġdid fil-karriera tiegħi.”
Fit-tielet livell tal-Italja, Willis ispirat lil Venezia għall-promozzjoni fis-Serie B bit-13-il gowl tagħha – it-tieni l-aqwa skorer tal-klabb u l-ħames tal-kampjonat, għalkemm kien hemm erba’ plejers oħra bl-istess numru ta’ gowls skurjati.
Hija ilha tilgħab fl-Italja mill-2020, wara li lagħbet ma’ Hellas Verona, Chievo Verona Women u Meran.