Rudy Buhler Art Gallery fetħet il-bibien tagħha għal wirja speċjali li tgħaqqad l-arti mat-tama. Fit-12 ta’ Diċembru 2025 Crisis Resolution Malta negħdiet kalendarju tal-2026 għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju ġewwa din il-gallarija f’Wied il-Għajn. Il-lejl infetaħ mill-Onorevoli Dr. Owen Bonnici, Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, li sostna kemm nistgħu nsibu l-faraġ jekk niftħu qalbna ma’ xi ħadd viċin tagħna. L-ikel għal dan l-avveniment kien ġentilment sponsorjat minn Corinthia Caterers. Diversi nies attendew bi ħġarhom- professjonisti fil-qasam tas-saħħa mentali, kolletturi tal-arti kif ukoll volontarjati fil-qasam.
Għal min ma’ laħaqx l-istedina biex jattendi għal-ftuħ tal-esebizzjoni, jista’ jżur il-gallarija matul il-ġimgħa li ġejja biex jara b’għajnejh dawn ix-xogħlijiet tal-arti għal din il-kawża ferm importanti.
Tnax-il artist lokali li huma Alison Agius, Noel Attard, Mario Borg, Etienne Farrell, Jennifer Mallia, Jo Dounis, Joanne Fenech Portelli, Josette Casha, Michelle Mahoney, Tanya Vella, Emanuel Borg u Stefan Carbonaro, ikkolaboraw biex il-ħolqien tagħhom iżejnu dan il-kalendarju bil-messaġġi viżivi qawwija ta’ tama, kuraġġ u solidarjetà. Huma jfakkru li m’għandekx tiffaċċja l-isfidi tal-ħajja waħdek, u li dejjem hemm min lest jisimgħek u jappoġġjak.
Il-kalendarju annwali huwa ħafna iktar minn xi ħaġa li tniżżel l-appuntamenti li jkollok ġo fih iżda hu messaġġ ta’ tama li spiss isalva l-ħajjiet. Matul is-snin dan il-kalendarju għen biex jiġu salvati aktar minn 800 persuna u għen lil mijiet oħra biex ifittxu għajnuna professjonali fis-saħħa mentali.
Din l-edizzjoni tal-2026 tiġbor xogħlijiet tal-arti li jħarsu lejn il-fraġilità u s-saħħa tar-ruħ umana, u turi li dejjem hemm possibbiltà li wieħed jista’ jirkupra mill-effetti tal-problemi tiegħu u jsib tama ġdida.
Meta xogħlijiet tal-arti jinbiegħu f’din l-esebizzjoni, nofs il-bejgħ se jmur direttament għal Fondazzjoni Ntemmu s-Suwiċidju, li ser titnieda preżentement, biex ikomplu jsalvaw il-ħajjiet.
Dettalji tal-Wirja:
- Post: Rudy Buhler Art Gallery, Marsaskala
- Dati: Is-Sibt 13 ta’ Diċembru – Il-Ħadd 21 ta’ Diċembru 2025
- Ħinijiet: 10:00–13:00 u 17:00–20:00 kuljum
Jekk inti jew xi ħadd li taf għaddej minn żmien diffiċli, ċempel fuq il-linja tal-kriżi 9933 9966. Anke konverżazzjoni qasira tista’ tagħmel differenza kbira u tħalli tama ġdida tidħol fil-ħajja tiegħek. Ftakar li dejjem hemm speranza u professjonisti dedikati lesti biex jgħinuk tħossok aħjar.

