Mill-inqas żewġ persuni mietu hekk kif Kalifornja qiegħda tesperjenza waħda mill-agħar maltempati fl-aħħar snin. Fl-aħħar sigħat f’dan l-Istat niżlet ammont kbir ta’ xita, kien hemm riħ qawwi u x-xmara kważi spiċċat faret.
Miljuni persuni qegħdin f’riskju li jitilfu kollox jekk is-sitwazjoni tkompli tmur għall-agħar. Skont rapporti fil-midja internazjonali hemm aktar minn 125,000 residenza li m’għandhomx elettriku u għalhekk is-sistema li ssaħħan id-dar mhux taħdem.
Esperti fil-temp qalu li dan il-maltemp kien imbassar iżda mhux b’din l-intensità. Jidher li hekk kif resaq lejn California s-sistemi tal-maltemp komplew jidhru u għalhekk l-awtoritajiet ma kinux daqshekk ippreparati għal din is-sitwazzjoni.
Fl-Istat ġew irraportati diversi inċidenti fosthom ferrovija li fuqha kellha 55 passiġġier u waqt li kienet għaddejja b’veloċità qawwija spiċċat ħabta mas-siġar li waqgħu fuq minħabba l-maltemp.
Hemm tama li s-sitwazzjoni terġa’ tibda tiġi lura bil-mod għan-normali minn nhar il-Ġimgħa li ġej, iżda l-awtoritajiet qalu li jridu diversi ġimgħat sakemm żoni mill-Istat ikun jistgħu jerġgħu jibdew jaħdmu b’mod normali.