Il-midfielder ta’ Leeds United, Kalvin Phillips, għamilha ċara li se jirrifjuta kwalunkwe offerta minn Manchester United fit-tieqa tat-trasferimenti li jmiss.
Il-player ta’ 26 sena ilu għal żmien twil marbut ma’ ċaqliq f’Old Trafford flimkien ma’ sieħbu tal-Ingilterra Declan Rice, bir-Red Devils jingħad li qed jiżnu rinforzi fid-dipartiment ċentrali ta’ nofs il-ground.
Phillips kien marbut ma’ trasferiment mar-Red Devils fis-sajf li għadda, iżda wara li ma mmaterjalizzat l-ebda offerta, baqa’ Yorkshire biex jassisti fit-tenattiv ta’ Leeds li jżommu posthom mal-elite tal-football Ingliż fil-Premier League.
Minkejja t-taqbida tagħhom f’dan l-istaġun, Phillips jibqa’ impenjat mal-club u se jirrifjuta kull offerta ġdida għalih minn Manchester dan is-sajf.
Jingħad li l-midfielder jibqa’ leali lejn il-partitarji ta’ Leeds minħabba li huwa konxju bis-sħiħ tar-rivalità bejn iż-żewġ clubs matul is-snin.
Jidher li Phillips qal lill-club tiegħu li jixtieq jiffirma kuntratt ġdid f’Elland Road, meta għad fadallu senetjn fil-kuntratt attwali tiegħu ma’ Leeds, għalkemm talbiet possibbli li jaqbżu l-£100,000 fil-ġimgħa jistgħu jkunu ta’ xkiel.
Wara l-parteċipazzjoni tiegħu fil-Kampjonati Ewropej mal-Ingilterra s-sajf li għadda, Phillips ġarrab staġun mimli injuries sa issa, fejn kien ristrett għal 15-il dehra tal-Premier League biss bħala riżultat ta’ bosta injuries.