Fl-ewwel dehra tagħha fuq l-istazzjon televiżiv konservattiv Fox News, il-kandidat demokratiku għall-elezzjoni presidenzjali fl-Istati Uniti, Kamala Harris, fissret il-politika tagħha dwar l-immigrazzjoni, l-ekonomija u l-amministrazzjoni Biden f’intervista ta’ 30 minuta nhar l-Erbgħa bil-lejl. Dak li qalet Harris, kien meqjus bħala appell dirett lill-votanti li jxaqilbu lejn il-lemin.
Aktar kmieni fil-ġurnata, Kamala Harris, li hija wkoll il-viċi-president attwali, ħadet sehem f’avveniment tal-kampanja tagħha fl-istat ta’ Pennsylvania fejn magħha ingħaqdu aktar minn 100 Repubblikan.
L-intervista kienet kumbattuta, b’Harris, lejn l-aħħar tal-intervista ddur fuq l-intervistatur Bret Baier u sfidatu jxandar klipps li qalet ma kinux rilevanti għal dak li kienu qed jiddiskutu “ibbażati fuq valutazzjoni sħiħa tal-fatti”.
Dwar l-isforzi tal-amministrazzjoni Biden biex tindirizza ż-żieda qawwija fl-immigrazzjoni illegali fil-fruntiera tan-Nofsinhar, Harris tefgħet it-tort fuq ir-Repubblikani talli naqsu milli japprovaw abbozz ta’ liġi mhux partiġġjan dwar il-fruntiera. Hija rreferiet għal dak li Donald Trump qal lir-Repubblikani biex jirrifjutaw l-abbozz ta’ liġi dwar l-immigrazzjoni għax “huwa pprefera li jkattar il-problema minflok jirranġa problema.”
Harris ġiet mistoqsija wkoll dwar il-kumment reċenti tagħha li kienet se tbiddel xi deċiżjonijiet tal-amministrazzjoni Biden, u wieġbet b’mod ċar ħafna anki jekk ma elaboratx wisq li jekk tkun eletta president, mhux se tkun kontinwazzjoni tal-presidenza ta ‘Joe Biden.
Dwar il-fakultajiet mentali tal-president Joe Biden, il-viċi-president wieġbet billi qalet li l-president kellu l-ġudizzju u l-esperjenza biex jagħmel dak li għandu jsir f’isem il-poplu Amerikan. Żiedet tgħid li n-nies li jafu l-aħjar lil Trump qalu li dan mhux tajjeb li jerġa’ jkun president tal-Istati Uniti.
Harris għażlet lill-Iran meta mistoqsija liema pajjiż barrani tqis bħala l-akbar avversarju tal-Amerika. Bret Baier staqsiha jekk l-amministrazzjoni Biden-Harris kinitx taġixxi bħallikieku l-Iran huwa t-theddida ewlenija.
Il-kandidat tad-demokratiċi qalet li ħadmet mal-kapijiet tal-militar biex tagħmel dak li l-Amerika trid tagħmel dejjem, jiġifieri li tippermetti lill-Iżrael ikollu r-riżorsi biex jiddefendi lilu nnifsu inkluż mill-prokuraturi terroristiċi tal-tal-Iran fir-reġjun.
Harris kienet ippressata wkoll dwar il-pożizzjoni tagħha dwar l-użu tal-fondi pubbliċi għal kirurġija għall-affermazzjoni tal-ġeneru għal priġunieri transġeneri, inklużi dawk li mhumiex dokumentati. Trump nefaq il-miljuni f’reklamar dwar dan is-suġġett fl-istati hekk imsejħa tal-battalja.
Kamla Harris wieġbet billi qalet li filwaqt li se ssegwi l-liġi, innotat li l-Uffiċċju tal-Ħabsijiet tal-Istati Uniti kien ipprovda trattamenti ta’ affermazzjoni tal-ġeneru meta Trump kien president. Hija sostniet li għalhekk Trump “ma’ jistax jitfa’ l-ġebel meta jgħix f’dar tal-ħġieġ.”