Sunday, December 22, 2024

Kamala Harris tibda żjara fil-Korea t’Isfel jum biss wara testijiet b’missili mill-Korea ta’ Fuq

Aqra wkoll

Il-viċi President tal-Istati Uniti tal-Amerika Kamala Harris waslet ġewwa l-Korea t’Isfel għal żjara uffiċjali, liema żjara qiegħda ssir jum biss wara li l-Korea ta’ Fuq sparat żewġ missili ballistiċi ta’ distanza qasira fil-kosta tal-Lvant. 

L-isparar ta’ dawn iż-żewġ missili, li jmur kontra s-sanzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti, sar hekk kif l-Istati Uniti u l-Korea ta’ Fuq bdew taħriġ militari navali fl-ibħra madwar il-peniżola Koreana. L-uffiċjali tal-Korea t’Isfel u tal-Ġappun ikkundannaw dan it-test u ddeskrivewh bħala “provokazzjoni”.

Dan kien it-tieni test f’perjodu ta’ ġimgħa min-naħa tal-Korea ta’ Fuq, u b’hekk kompliet iżżid man-numru rekord ta’ testijiet li għamlet matul din is-sena. 

Matul iż-żjara tagħha ġewwa l-Korea t’Isfel, Harris mistennija li żżur fl-fruntiera bejn iż-żewġ Korej magħrufa bħala ż-Żona Demilitarizzata (DMZ) li hija waħda mgħassa ferm. Iktar kmieni din il-ġimgħa Harris kienet tinsab ġewwa l-Ġappun fejn hemm hija indirizzat lis-suldati Amerikani li hemm stazzjonati ġewwa dan il-pajjiż u ddeskriviet it-testijiet militari tal-Pyongyang bħala “theddida globali”.

Analisti tal-politika internazzjonali meta tkellmu mal-midja qalu li hekk kif id-diskussjonijiet bejn l-Istati Uniti u l-Korea ta’ Fuq dwar id-denuklearizzazzjoni jinsabu staġ­nati, il-kontinwazzjoni ta’ testijiet min-naħa ta’ Pyongyang qed ikomplu jagħmlu s-sitwazzjoni iktar ikkum­plikata u dan fl-istess waqt li min-naħa tagħha l-Istati Uniti qiegħda ssaħħaħ id-difiża f’din iż-żona.  

Dwar din is-sitwazzjoni li qiegħda tevolvi, uffiċjal għoli tal-Korea t’Isfel qal li, “il-provokazzjonijiet ta’ Pyongyang se jkomplu jsaħħu l-isforzi ta’ deterrent u r-rispons tal-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel, u dan se jkompli jiżola lill-Korea ta’ Fuq mill-komunità internazzjonali.”

Ekonomija

Sport