Saturday, December 14, 2024

Kamp. Mondjali tal-Għawm: Jinkisru żewġ rekords u Ledecky tirbaħ l-4x100m

Aqra wkoll

Id-19-il Kampjonati tad-Dinja tal-Għawm li qed jiġu organizzati mill-FINA, bdew nhar is-Sibt li għadda f’Budapest, l-Ungerija. U l-ewwel ġurnata ma setgħetx tibda iktar bil-kbir meta ġew miksura żewġ rekords tal-kampjonati waqt li ntrebħu midalji storiċi fl-għawm artistiku.

Dawn ir-rekords ġew miksura mill-Ame­rikana, Katie Ledecky u l-Franċiż, Leon Marchand, fejn Ledecky tejbet il-marka tagħha fl-400m freestyle tan-nisa waqt li Marchand sar it-tieni l-iktar għawwiem veloċi li qatt kien hawn fl-400m medley wara biss Michael Phelps.

Il-ħames finali li saru fl-ewwel ġurnata bdew bl-400m freestyle tal-irġiel fejn hawnhekk rebaħ l-Awstraljan Elijah Winnington fi 3:41.22 minuti biex sar iċ-champion tad-dinja. Il-midalja tal-fidda ħadha l-Ġermaniż Lukas Martens fi 3:42.85 waqt li dik tal-bronż marret għand il-Brażiljan, Guilherme Pereira, fi 2:43.31.

Ledecky saret champion tad-dinja tal-400m meta fil-ħin ta’ 3:58.15 minuti, anke kisret ir-rekord tal-kampjonati.

Il-midalja tal-fidda ħaditha l-Kanadiża Summer McIntosh fi 3:59.39 waqt li dik tal-bronż marret għand Amerikana oħra, Leah Smith f’4:02.08.

Il-midalja tad-deheb fl-400m Individual Medley marret għand Marchand li rebaħ fil-ħin rekord tal-kampjonati u anke tal-Ewropa ta’ 4:04.28 minuti.

Iż-żewġ midalji l-oħra marru għand l-Amerikani, Carson Foster, li rebaħ il-fidda f’4:06.56, u Chase Kalisz f’4:07.47 li kellu jikkuntenta b’dik tal-bronż.

It-team Amerikan tar-relay tal-irġiel, kiseb rebħa komda fuq l-Awstralja meta rebaħ it-tellieqa tal-4x100m freestyle fil-ħin ta’ 3:09.34 minuti bl-Awstraljani jieħdu l-fidda fi 3:10.80 u l-Italja l-bronż fi 3:10.95.

Iżda fl-4x100m freestyle tan-nisa, l-Awstralja ma ġewx imċaħħda għax kienu huma li rebħu l-midalja tad-deheb fil-ħin ta’ 3:30.95 minuti quddiem l-Kanada li ħadu l-fidda fi 3:32.15 u l-Istati Uniti li rebħu l-bronż fi 3:32.58.

GĦAWM ARTISTIKU – L-għawm artistiku beda bl-ewwel midalja tad-deheb għan-nisa Ġappuniżi fit-Techniacl solo fejn b’kollox hemm 10 midalji tad-deheb għad-dispożizzjoni tat-341 atleta li ġejjin minn 44 pajjiż. L-avveniment qed isir fil-pixxina miftuħa tal-maġika, Margaret Island, imsemmija għal-leġġendarju coach Ungeriż tal-waterpolo, Tamas Szechy.

Kienu Yukiko Inui tal-Ġappun, Marta Fle­dina tal-Ukrajna u Evangelia Plataioti tal-Greċja li kitbu isimhom fil-kotba tar-rekords fit-Technical Solo fejn Unui kisbet 92.8662 punti u tat l-ewwel midalja lill-pajjiżha f’dawn il-kampjonati tad-dinja.

Għall-ewwel darba fl-istorja żewġ atleti Maltin, Ana Culic u Thea Blake  (ritratt isfel), qed jirrappreżentaw lil Malta f’dawn il-kampjonati.

Huma jinsabu akkumpanjati mill-coach nazzjonali, Michelle Hubner, u l-assistenta tagħha, Hannah Preca Trapani.

Il-kampjonati qed jintwerew fuq https://swimmingtv.live/

Il-president tal-ASA, Joe Caruana Curran, jinsab preżenti wkoll f’Budapest biex jattendi l-Kungressi tal-FINA u l-COMEN.

Ekonomija

Sport