Sunday, May 5, 2024

Kampanja edukattiva fost it-tfal għal indafa fit-toroq fejn jidħlu l-annimali

Aqra wkoll


Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Owen Bonnici, iltaqa’ mas-Sindku taż-Żurrieq Rita Grima, ħaddiema tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi, il-LESA, u ħaddiema tal-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali sabiex iniedu kampanja edukattivi għal indafa fit-toroq fejn jidħlu l-annimali.

Il-kampanja tolqot l-indafa fit-toroq relatati mal-annimali. Ġie spjegat kif meta persuna toħroġ lill-kelb tagħha, dan għandu jkun dejjem marbut b’ċinga u dak li jkun għandu jġorr borża tal-klieb sabiex jekk f’xi ħin il-kelb iħammeġ it-triq, il-persuna f’dak il-ħin għandha minnufih tnaddaf.

Il-kampanja għandha l-għan li tqajjem kuxjenza dwar l-impatt negattiv li dan iħalli fuq l-ambjent apparti n-nuqqas ta’ indafa li jikkawża fit-toroq fl-irħula.

Il-Ministru Owen Bonnici spjega: “Minn dejjem xtaqt li ssir kampanja edukattiva dwar din il-problema li kważi kull raħal jew belt jgħaddi minnha f’xi punt jew ieħor. Għal dan il-għan iltqajna llum għaliex wara diskussjonijiet li saru bejn il-LESA u l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali flimkien mal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq, qegħdin inniedu din l-imsemmija kampanja. Ninsab ottimist li permezz ta’ din il-kampanja ser inkunu qed inqajmu iżjed għarfien dwar is-sens ta’ responsabbiltà li wieħed għandu jkollu sabiex inżommu s-sbuħija tal-irħula tagħna anki billi nassiguraw l-indafa fejn jidhlu l-klieb taghna. Bis-saħħa ta’ kampijiet edukattivi ta’ dan ix-xorta qed inrawwmu ċertu għaqal f’uliedna u ulied uliedna.”

Is-Sindku taż-Żurrieq, Rita Grima saħqet kif, “waħda mill-problemi li affaċċjajt hekk kif bdejt bħala Sindku taż-Żurrieq kienet il-ħmieġ tal-klieb li jitħalla fit-toroq tagħna meta s-sidien tagħhom joħorġuhom dawra jew apposta biex jagħmlu l-bżonnijiet tagħhom. Jiena sid ta’ kelb żgħir ħelu li huwa l-mimmi t’għajnejja u għaldaqstant nifhem sew li dawn il-pets tagħna ikollhom bżonn l-arja ta’ barra għal mixja jew biex jaqdu l-bżonnijiet tagħhom. Meta noħroġ bil-kelb tiegħi nara li noħroġ bil-boroż miegħi f’każ li jħammeġ. Nagħmel dan għax il-kuxjenza tiegħi hekk tgħidli, u għax ma nieħux gost kieku noħroġ mid-dar u nsib il-ħmieġ tal-klieb quddiem biebi. Ejjew flimkien nagħmlu ħilitna sabiex inżommu raħalna nadif. Bil-koperazzjoni ta’ kulħadd nemmen li nistgħu naslu.”

L-għan ta’ din il-kampanja huwa sabiex titqajjem kuxjenza ħalli jkollna Malta isbaħ u iżjed nadifa.

Sport