Filwaqt li l-mexxejja tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea fil-jumejn li għaddew iltaqgħu f’summit fejn iddiskutew diversi suġġetti fosthom, u l-iktar kruċjali, l-użu ta’ flus iffriżati Russi għall-Ukrajna, l-intelligence Ewropej, aktar kmieni żvela li politiċi Belġjani u eżekuttivi finanzjarji għolja kienu suġġetti għal kampanja ta’ intimidazzjoni orkestrata mir-Russja bil-għan li tipperswadi lill-Belġju biex jimblokka l-użu ta’ €185 biljun assi Russi għall-Ukrajna.
L-Uffiċjali tas-sigurtà indikaw li fil-miri intenzjonati kien hemm persuni ewlenin tal-Euroclear, l-organizazzjoni bbażata fil-Belġju, fejn qed jinżammu €185 biljun mill-€210 biljun ta’ assi tal-bank ċentrali tar-Russja li ilhom iffriżati mill-UE sa mill-bidu tal-invażjoni tal-Ukrajna minn Moska.
Il-mexxejja tal-UE li ltaqgħu fi Brussell fil-jumejn li għaddew iddibattew jekk japprovawx is-self ta’ €90 biljun meħtieġa b’mod urġenti għall-Ukrajna, assigurati fuq assi tal-bank ċentrali Russu, biex jinżamm l-isforz tal-gwerra tal-Ukrajna matul is-sentejn li ġejjin. Fis-summit il-mexxejja tal-UE iddeċiedew favur dan is-self inizjali iżda mhux minn assi Russi.
Il-Belġju kien esprima tħassib dwar il-legalità tal-użu ta’ assi Russi ffriżati u qal li se jaqbel biss jekk ikollu garanziji li Euroclear tiġi rimborżata kollha kemm hi jekk ir-Russja tressaq kawża għall-flus tagħha.
Ir-Russjawissiet pubblikament li l-użu tal-assi tagħha mill-UE jammonta għal serq u l-bank ċentrali Russu qal li qed ifittex lill-Euroclear għal $230 biljun f’danni f’każ imressaq fil-qrati tal-pajjiż. L-imtimidazzjoni iżda kienet fuq persuni individwali.
Investigazzjoni aktar kmieni dan ix-xahar mis-sit tal-aħbarijiet EUobserver irreferiet għal theddid lejn Valérie Urbain, il-kap eżekuttiv ta’ Euroclear, u eżekuttivi anzjani oħra fil-grupp tas-servizzi finanzjarji fl-2024 u l-2025.
Fil-bidu ta’ Diċembru, Bart De Wever, il-prim ministru tal-Belġju, qal f’intervista mal-gazzetta La Libre li Putin ma kienx se jaċċetta bil-kalma l-konfiska tal-assi Russi. Qal ukoll li ġie mhedded minn Moska li jekk l-assi Russi jintmissu, il-Belġju u hu personalment kienu se jħossu l-konsegwenzi għall-eternità.
F’konferenza stampa li ta f’Ottubru, De Wever fakkar ukoll fil-kontromiżuri Russi, inkluż il-konfiska ta’ flus tal-Punent depożitati fil-banek Russi, il-qbid ta’ kumpaniji tal-Punent u deċiżjonijiet simili minn ġurisdizzjonijiet favur Moska.
Ir-Renju Unit, li huwa maħsub li għandu €27 biljun ta’ assi tar-Russja, appoġġja l-mossa li jintużaw fondi immobilizzati għall-Ukrajna. Huwa stmat li pajjiżi tal-Punent għandhom assi li jiswew €290 biljun madwar id-dinja.
Keir Starmer, il-prim ministru tar-Renju Unit, qal lin-negozjant Roman Abramovich biex jirrilaxxa £2.5 biljun ta’ qligħ mill-bejgħ tal-klabb tal-futbol ta’ Chelsea fl-2022 fi żmien 90 jum jew jiffaċċja azzjoni legali. Il-Gran Brittanja trid li dawn il-flus jingħataw lill-vittmi tal-gwerra Ukreni, iżda l-biljunarju Russu qal li jrid li l-vittmi Russi jibbenefikaw ukoll.

