Friday, October 4, 2024

Kampanji ta’ għarfien, prevenzjoni, ħidma biex titneħħa l-istigma, diskussjonijiet miftuħa, liġijiet u sostenn biex ma nitilfux aktar għeżież minn tagħna 

“Is-suwiċidju huwa prevenibbli”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Nhar it-Tlieta, 10 ta’ Settembru huwa l-Jum Dinji għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju. B’każijiet madwar id-dinja kollha, din il-pjaga soċjali qiegħda tiswa l-ħajja ta’ nies li b’aktar għarfien u għajnuna f’waqta, setgħu llum għadhom magħna. Huwa proprju dan l-għan li ta’ kull sena, f’dan il-Jum Dinji, issir kampanja globali għall-prevenzjoni tas-suwiċidju kif ukoll jitfakkru l-għeżież tagħna li tlifna  qabel kien il-waqt.

Il-Jum Internazzjonali għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju ġie stabbilit fl-2003 mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni ta-Suwiċidju flimien mal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa. Il-messaġġ ewlieni ta’ dan il-jum huwa wieħed u ċar – “is-suwiċidju huwa prevenibbli”. 

Kull ħajja tgħodd u s-suwiċidju mhuwiex is-soluzzjoni. Tista’ tgħid li l-kriżijiet fil-ħajja ta’ kuljum jiġu lil kull wieħed u waħda minnha. Dan ma jfissirx li għandna naqtgħu qalbna u nitfu x-xemgħa ġo fina tat-tama għal ħajja aħjar.

Ix-xemgħa hija wkoll is-simbolu tal-Jum Dinji għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju fejn f’dan il-jum tant importanti fit-8.00 ta’ filgħaxija aħna msejħa nixgħelu xemgħa fit-twieqi tagħna bħala tifkira ta’ dawk li ħallewna b’suwiċidju.

Il-mistoqsijiet għall-qraba li tħallew wara huma ħafna iżda b’ħidma kollettiva, il-prevenzjoni tas-suwiċidju ssalva l-ħajjiet. Huma ġranet bħal dawn li jgħaqqduna għal għan wieħed flimkien għall-ġid tas-soċjetà tagħna.

Kull ħajja mitlufa hija traġedja…

F’Malta s-suwiċidju huwa realtà daqskemm huwa realtà fil-pajjiżi kollha tad-dinja. Fortunatament ir-rata ta’ suwiċidju f’pajjiżna hija waħda mill-inqas fl-Ewropa iżda għadu t-tieni l-ogħla kawża ta’ mwiet fost iż-żgħażagħ tagħna fl-etajiet ta’ bejn i-15 u 29 sena. Din il-pjaga mhiex biss fost iż-żgħażagħ hekk kif tmiss anke lill-anzjani li huma vulnerabbli għal fost l-oħrajn is-solitudni.

Is-sena l-oħra f’pajjiżna 27 persuna, fil-maġġoranza tagħhom irġiel, mietu b’suwiċidju. Fosthom kien hemm sfortunatament żewġ minuri. Mentri fid-dinja, l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) irrapportat li ta’ kull sena kważi tliet kwarti ta’ miljun persuna (720,000) imutu b’dan l-att iddisprat. L-aktar pajjiż li jirreġistra suwiċidji huwa dak ta’ Lesotho (72.4 għal kull 100,000 persuna) segwit minn Guyana, Eswatini, il-Korea t’Isfel u Kiribti. 

Settembru huwa kollu ddedikat għal din il-kawża 

Hawn naraw il-ħtieġa vitali ta’ kampaniji kbar għall-għarfien u l-prevenzjoni li jkunu verament effettivi u li jiħlqu lil kulħadd. Ix-xahar ta’ Settembru huwa kollu ddedikat għal din il-kawża bl-10 ta’ Settembru jkun il-jum li fih isir aċċenn aktar qawwi ħalli nindirizzaw din il-kriżi serja, innaqqsu l-istigma u jitqajjem għarfien fost l-organizzazzjonijiet, il-mexxejja tal-pajjiżi, kif ukoll fos il-pubbliku. 

It-tema ta’ din is-sena hija “Nibdlu n-Narrattiva. Nibdew Nitħaddtu” li timmira proprju li tonqos l-istigma dwar dan is-suġġett kif ukoll li jkun hemm aktar diskussjonijiet fir-rigward. Il-bidla fin-narrattiva dwar is-suwiċidju huwa biex jinbidel il-mod kif nipperċepixxu s-suwiċidju li huwa sfida kumplessa. L-għan huwa li minn kultura ta’ silenzju u stigma din tinbidel għal suġġett miftuħ għad-diskussjoni, li jifhmu kulħadd u li jkun hemm l-appoġġ meħtieġ għall-persuni milquta. 

It-tema tenfasizza wkoll il-bżonn li tkun ipprijoritizzata l-prevenzjoni u s-saħħa mentali fil-qafas legali u hawn tidħol talba għal azzjoni mill-gvernijiet. Il-bidla fin-narrattiva teħtieġ li jsiru liġijiet li jipprijoritizzaw is-saħħa mentali, li jkun hemm aċċess għall-kura u li jkun ipprovdut is-sostenn għal min jeħtieġu.

Messaġġ mill-Kap tal-Crisis Resolution Malta, Mark Xuereb

Min imut b’suwiċidju jew min jinsab fi kriżi u qiegħed jikkontemplah, ikunu għaddejjin minn tbatija kbira. Għalhekk, id-dinja kollha tiddedika x-xahar ta’ Settembru għall-prevenzjoni tas-suwiċidju u Malta. Qegħdin nagħmlu sensiela ta’ attivitajiet biex inkomplu nimplimentaw it-tant mistennija Strateġija għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju fejn irridu nkabbru l-Crisis Line, nikkomunikaw iżjed, nagħqdu l-istakeholders u nżidu l-edukazzjoni kullimkien biex in-nies inġibuhom sensittivi. 

Se nkomplu l-għarfien imma issa se mmorru lil hinn billi mill-għarfien se nimxu għall-azzjoni. Hawnhekk għandna bżonn l-għajnuna tagħkom biex ixxerdu l-messaġġ u tappoġġjaw l-inizjattivi li se taraw tul dan ix-xahar. Din is-sena se nimmiraw l-isforzi tagħna biex ngħinu fost l-oħrajn lill-minoranzi etniċi, nies li qegħdin jistennew il-qorti, nies akkużati inġustament u kollegi fi kriżi.

L-appell tiegħi huwa li intom ukoll tkunu membri tal-Crisis Team. Ma ninsewx li s-suwiċidju globalment qiegħed jiżdied. Importanti li nagħtu id lil min huwa vulnerabbli u lil min m’għandux vuċi. Ejjew flimkien inbiddlu n-narrattiva, ejjew flimkien inkomplu t-taħdita u nsaqsu, ‘int għandek ħsieb li tneħħi ħajtek?’ u hekk tkun qiegħed tgħin lill-persuna u mhux tkabbar ir-rata tas-suwiċidju. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport