It-Tlieta, matul ir-raba’ jum tal-Kampjonat tad-Dinja tas-Snooker tal-Federazzjoni Dinjija tas-Snooker (WSF) li qed isir f’Sofia, l-Bulgarija, kompliet l-fażi tal-gruppi. Erba’ plejers Maltin minn seba’ ħarġu rebbieħa filwaqt li Chris Peplow, barra li rebaħ ikkwalifika għal fażi tan-knock out.
Chris Peplow kienu l-uniku plejer Malti li kien immissu jilgħab fl-ewwel session, kmieni fil-ġurnata. Huwa rebaħ 3-1 kontra r-Rumen Vladut Ciuche li rebaħ l-ewwel frame iżda bħal jum preċedenti Peplow irkupra sew u rebaħ tliet frames konsekuttivi bil-punteġġi finali tal-frames ikunu: 40-64, 48-38, 58-4, 71-2. B’din it-tielet rebħa tiegħu f’din il-kompettizjoni issa għamel ċert mill-kwalifikazzjoni għal fażi tan-knock out minkejja li jonqsu jilgħab logħba oħra f’din l-ewwel fażi.
Kemm Aaron Busuttil u Joseph Casha kellhom rebħiet faċli ta’ 3-0 kontra l-Ġermaniż, Manuel Ederer (98-15, 19-64, 33-65) u l-Ingliż, Steven Hughes (48-28, 60-12, 88(52)-16) rispettivament. Aaron Busuttil issa temm l-impenji tiegġu fl-ewwel fażi u l-kwalifikazzjoni tiegħu issa tiddependi mir-riżultat finali bejn l-Ingliż, Kaylan Patel u ċ-Ċiniż, Wang Xinzhong, li t-tnejn kien rebħu lil Busuttil. Joseph Casha jrid jirbaħ żewġ frames fl-aħħar logħba tiegħu fil-grupp biex jikkwalifika għar-rawnd li jmiss.
Il-plejer Malti l-ieħor li rebaħ kien il-veteran, Alex Borg li għeleb lil Nikita Bazilevics tal-Latvja, 3-1. Borg fetaħ tajjeb fl-ewwel frame u wettaq break ta’ 65 punt u rebaħ b’dawn il-punteġġi: 77(65)-38, 59-9, 45-70, 73-39. B’rebħa fl-aħħar jum fil-fażi tal-gruppi, Borg kważi jkun ċert minn post waqt il-fażi tan-knock out.
Brian Cini, li tilef kontra l-Ingliż, Wayne Brown fil-frame deċiżiv, 3-2 u issa l-Erbgħa, biex javvanza għat-tieni fażi, barra li jrid jirbaħ l-aħħar konfront tiegħu fi Grupp I, kollox ser jiddependi mir-riżultat finali bejn l-Ingliz, Aidan Murphy u l-Pollakk, Sebastian Milewski.
Iż-żgħażugħ, Xavier Rizzo u Chris Camilleri tilfu l-logħba tagħhom 3-0 u barra minn hekk matematikament ġew eliminat mill-kompetizzjoni. Xavier Rizzo tilef kontra l-Ingliż, Simon Blackwell u Chris Camilleri safa’ megħlub mit-tfajjel Ukren ta’ 15-il sena, Matvei Lagodzinschii. Camilleri fl-aħħar jum ta’ logħob fil-gruppi jonqsu jilgħab l-aħħar konfront iżda Xavier Rizzo temm l-impenji tiegħi minħabba li l-avversarju li kien ser jilgħab miegħu fl-aħħar jum irtira mill-kompetizzjoni.
Il-logħbiet kollha li hemm il-Maltin involuti fihom fl-aħħar jum mill-fażi tal-gruppi huma kif ġej:
| Grupp C | Chris Camilleri | vs | Zhan Laushman (Bulgarija) |
| Grupp AM | Alex Borg | vs | Steve Crowley (Ingilterra) |
| Grupp F | Joseph Casha | vs | Matei Unguru (Rumanija) |
| Grupp I | Brian Cini | vs | Andrei Călin (Rumanija) |
| Grupp X | Chris Peplow | vs | Steven Croker (Ingilterra) |

