Friday, March 14, 2025

Kampjonat Ewropew tal-Juniors tas-Snooker: Jake Castaldi għal darb’oħra jasal sa r-rawnd tal-aħħar 16

Aqra wkoll

Huwa żgur li Jake Castaldi ser jibqa jiftakar din l-ewwel esperjenza tiegħu matul Kampjonat Ewropew tal-Juniors tas-Snooker meta f’din l-edizzjoni li qed issir f’Antalya, t-Turkija, ż-żagħżugħ Malti għat-tieni darba din matul din il-gimgħa rrnexxielu jasal mal-aħħar sittax din id-darba fil-kategorija ta’ taħt it-18-il sena.

Il-Ħamis, l-ewwel sfida għal Castaldi kienet mir-rawnd tal-aħħar 32 fejn huwa lagħab kontra Tyler McCaffrey-Smith ta’ Wales. McCaffrey-Smith rebaħ l-ewwel frame iżda Castaldi mhux biss ġab id-draw iżda rebaħ tliet frames konsekuttivi biex rebaħ 3-1 u kkwalifika mal-aħħar 16. F’din il-logħba l-iskors tal-frames spiċċaw hekk; 12-60, 63-22, 79-42, 57-6.

L-istorja kienet totalment differenti fir-rawnd tal-aħħar 16  meta l-avversarju tal-Malti kien il-Pollakk, Krzysztof Czapnik li jumejn ilu kien il-finalist tal-kompetizzjoni ta’ taħt is-16-il sena. Il-Pollakk kien ferm superjuri għal Castaldi u rebaħ mingħajr wisq tbatija 3-0, bl-iskors tal-frames jispiċċaw; 12-60, 34-68, 3-56.

Il-Gimgħa, tibda l-aħħar kompetizzjoni tal-Juniors matul dan il-Kampjonat Ewropew. Din hija dik miftuħa għal kategorija ta’ taħt il-21 sena. Hawnhekk iż-żgħażagħ Maltin li ser jipparteċipaw huma Matthias Debono, Chaylon Castaldi, Xavier Rizzo, Jake Castaldi u Caiden Casha. B’kollox ser jieħdu sehem 89 plejer li huma maqsuma fi 22 grupp u l-logħob kollu fil-fażi tal-gruppi ser isir fuq jumejn. Fl-ewwel jum il-plejers Maltin ser jilgħabu darbtejn filwaqt li s-Sibt, Matthias Debono, Chaylon Castaldi, Xavier Rizzo u Jake Castaldi jkun jonqoshom logħba waħda filwaqt li Caiden Casha jilgħab darbtejn peress li tela’ fi grupp bejn ħamsa.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport