Fir-raba’ jum tal-Kampjonat Ewropew tas-Snooker li qed isir f’Antalya, t-Turkija, bdiet l-aktar parti mistennija u interessanti ta’ din il-kompetizzjoni, l-fażi tan-knockout. F’dan il-jum b’kollox saru 46 logħba maqsuma fi tliet fażijiet li minnhom ħarġu l-aħħar 16-il plejer li kkwalifikaw fosthom żewġ Maltin, Aaron Busuttil u Chris Peplow.
Mill-jum ta’ qabel, Busuttil u Peplow għaddew direttament għar-rawnd tal-aħħar 64 peress li kienu rebħu l-grupp tagħhom pero’ wara r-riżultati li kisbu issa reġaw issuperaw żewġ rawnds oħra.
Fir-rawnd tal-aħħar 64, l-avversarju ta’ Aaron Busuttil kien il-Ġermaniż, Umut Dikme li f’Jannar li għadda kien elimina lil Malti waqt it-tieni rawnd tal-Kampjonat tal-World Snooker Federation li kien sar fil-Marokk. Fit-Turkija, r-riżultat svolġa differenti u Busuttil rebaħ ta’ 4-2. Huwa kellu wirja mill-aqwa fejn fi tliet frames minn dawk li rebaħ huwa wettaq breaks ta’ 105, 95 u clearance ta’ 63 punt li bih għalaq il-logħba fis-sitt frame meta kien jinsab 60 punt min taħt biex b’hekk għadda għar-rawnd tal-aħħar 32.
F’dan ir-rawnd, fuq il-karta l-oppożizzjoni għal Busuttil dehret kemm xejn iebsa għal fatt li l-avversarju li jmiss kien l-Awstrijak, Florian Nuessle li ftit tal-ġranet ilu fl-istess venue, fit-13 Marżu, rebaħ waħda mit-tliet finali tal-Q Tour Global Play-Offs li biha rebaħ ukoll World Tour Card għal sentejn biex issa jista jaqleb bħala plejer professjonali għall-ewwel darba fil-karriera tiegħu.
Dan il-fatt ma effettwa xejn lil Busuttil tant li rreġistra rebħa netta ta’ 4-0 kontra l-istess Awstrijak, Nuessle. Il-Malti mill-bidunett tal-logħba kien kunfidenti u wara li fit-tielet frame wettaq break ta’ 65 punt, fil-frame suċċessiv meta Nuessle kellu vantaġġ ta’ 42 punt, 63 għal 21, Busuttil irrisponda bi clearance break ta’ 47 punt biex dawwar il-frame favurih u għalaq il-frame b’68 għal 63 biex kiseb post mal-aħħar 16.
Chris Peplow minkejja li laħaq l-istess tragward kellu perkors ftit differenti. Fir-rawnd tal-aħħar 64 huwa għeleb lill-Iskoċċiż, Michael Collumb, 4-1, fejn il-Malti deher dejjem komdu tant li wara t-tliet frame kien 3-0 minn fuq. Filgħaxija, fil-konfront tal-aħħar 32 kontra t-tfajjel ta’ 14-il sena mill-Ukraina, Matvei Lagodzinschii sa ċertu punt offra reżistenza aktar lil Peplow għax minkejja li tilef l-ewwel żewġ frames sar-raba’ frame reġa ġab il-partita f’parita’. Il-Malti mill-ġdid reġa kien superjuri fil-ħames u s-sitt frame u rebaħ bil-punteġġ ta’ 4-2 biex hu wkoll kiseb post mal-aħħar 16.
Barra Busuttil u Peplow kien hemm erba’ players oħra Maltin li kienu mpenjati waqt il-logħob li sar il-Ħamis. Minnhom l-aħjar li mar kien Arthur Cachia li rebaħ, 3-1, l-ewwel logħba tiegħu kontra l-Irlandiż, John Sutton iżda tilef, 4-2, u ġie eliminat kontra Fergal Quinn tal-Irlanda ta’ Fuq fir-rawnd tal-aħħar 64.
Fil-logħbiet preliminari qabel tal-aħħar 64 it-tliet Maltin l-oħra sfaw eliminati. Brian Cini tilef kontra Sam Thomas ta’ Wales, 3-0, Alex Borg ġie megħlub mill-Isviżżeru, Alain Vergère, 3-1 u Joseph Casha tilef bl-istess punteġġ kontra r-Rumen, Mihai Vladu.
Il-Gimgħa, fil-jum qabel jintemm dan il-kampjonat, l-attenzjoni ewlenija ser tibqa fuq Aaron Busuttil u Chris Peplow li jridu jilgħabu l-fażi tal-aħħar 16 fit-8 am, ħin ta’ Malta. Għal darb’ohra din il-fażi tintlagħab fuq l-aħjar minn seba’ frames. Aaron Busuttil ser jiltaqa’ kontra l-Ingliż, Ashley Hugill filwaqt li Chris Peplow ser jiffaċċja tfajjel ieħor ta’ 14-il sena. Din id-darba l-Pollakk, Michal Szubarczyk li matul din l-edizzjoni ta’ dan il-kampjonat rebaħ żewġ finali tal-Juniors, kemm dik ta’ taħt is-16-il-sena kif ukoll ta’ taħt is-18-il-sena. Busuttil u Peplow din is-sena kemm diġa kisbu riżultat aħjar minn dak tas-sena l-oħra fejn f’Sarajevo l-Bosnja Herżegovina kienu ġew eliminati fir-rawnd tal-aħħar 32.