Tuesday, March 18, 2025

Kampjonat Ewropew tas-Snooker – Antalya 2025: Bidu tajjeb għal Malta bi Brian Cini jikkwalifika fl-ewwel jum

Aqra wkoll

It-Tnejn, f’Antalya, it-Turkija ingħata bidu għal edizzjoni ta’ din is-sena tal-Kampjonat Ewropew tas-Snooker fejn minn tmien logħbiet, Malta rebħet seba’ bi Brian Cini jirbaħ iż-żewġ konfronti tiegħu u jaqta passaġġ għal fażi tan-knock out.

Cini fil-fatt beda l-ġurnata u anke’ għalaq il-ġurnata. Matul l-ewwel sessjoni kontra, Adil Bilbil tat-Turkija, huwa kellu bidu eċċezzjonali u wara l-ewwel ftit kolpi Cini rreġistra break ta’ 101 biex rebaħ il-frame filwaqt li kompla għaddej biex rebaħ il-logħba b’mod faċli, 3-0.

Fil-konfront ta’ filgħaxija Cini sab it-triq ferm aktar iebsa minkejja li rebaħ, 3-1. L-avversarju tiegħu kien il-Kroat, Sven-Goran Maier li rebaħ l-ewwel frame wara li Malti deher li ma kienx fl-aħjar forma tiegħu fejn saħansitra għamel diversi żbalji fosthom żewġ telfiet meta kien jonqos l-aħħar żewġ boċċi fuq il-mejda. Għalkemm Cini rebaħ tlett frames konsekuttivi u għalaq il-konfront fl-ebda’ ħin ma kien superjuri għal Kroat anzi fl-aħħar frame kien minn taħt u ried bilfors jagħmel l-aħħar żewġ boċċi biex joħroġ rebbieħ. Fl-aħħar konfront tiegħu Cini ser jilgħab għal min sejjer jirbaħ Gruppi C. L-avversarju tiegħu ser ikun il-Pollakk, Michał Kotiuk, li bħalu rebaħ iż-żewġ logħbiet tiegħu fl-ewwel jum.

Fl-ewwel logħba tagħhom tal-gruppi, Aaron Busuttil, Chris Peplow, Arthur Cachia u Alex Borg u kollha rreġistraw rebħiet konvinċenti ta’ 3-0, kontra Roger Reppe tan-Norveġja, Aleksandr Vlassov tal-Estonja, Miguel Ruivo tal-Portugal u l-Spanjol, Rafael Argente rispettivament.

Joseph Casha wera determinazzjoni kbira meta kien żewġ frames minn taħt kontra Oskar Charlesworth tal-Awstrija iżda dawwar ir-riżultat favurih wara li rebaħ tliet frames konsekuttivi u temm b’rebħa ta’ 3-2.

L-uniku plejer Malti li ħareġ tellief kien Philip Ciantar. Huwa safa’ megħlub mill-Iskoċċiż, Ross Vallance bil-punteġġ ta’ 3-0.

It-Tlieta kull plejer Malti jilgħab logħba waħda biss u Brian Cini itemm l-impenji tiegħu ta’ l-ewwel fażi. Il-logħob kollhu huwa kif gej:

08:00Group IChris PeplowvsAnton Kazakov (Ukraina)
08:00Group JJoseph CashavsRobin Tønnesen (Danimarka)
10:00Group NAaron BusuttilvsYorrit Hoes (Belġju)
10:00 Group OPhilip CiantarvsFergal Quinn (Irlanda ta’ Fuq)
10:00 Group QArthur CachiavsNedim Ramic (Bosnja Herżegovina)
14:00 Group AHAlex BorgvsErik Dullerud (Norveġja)
18:00Group CBrian CinivsMichał Kotiuk (Polonja)

Nota: Il-ħinijiet ta’ din l-iskeda huma skond il-ħin ta’ Malta

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport