It-Tlieta, waqt il-Kampjonat Ewropew tas-Snooker li qed isir f’Gandia, fi Spanja bdiet riesqa lejn tmiemha l-fażi tal-gruppi fejn numru ta’ plejers inkluż dawk Maltin barra li temmew l-impenji tagħhom f’din il-fażi, saru jafu jekk ikkwalifikawx għar-round li jmiss, dak tan-knock out. S’issa l-erba’ plejers Maltin li lagħbu t-tielet u l-aħħar logħba tagħhom tal-grupp aċċertaw ruħhom mill-kwalifikazzjoni. Dawn l-aħħar partiti kellhom importanza peress li ġie determinat minn rebaħ il-grupp jew spiċċa bħala runner-up.
Aaron Busuttil u Chris Peplow rebħu l-logħbiet tagħhom sabiex spiċċaw fil-quċċata tal-grupp tagħhom u evitaw li jilgħabu f’round ta’ play-offs u jinsabu mill-ewwel fil-lista tal-aħħar 64. Busuttil u Peplow rebħu bi skor identiku ta’ 3-1 kontra l-Olandiż, Sebastiaan Kan, (68-35, 16-56, 90-27, 75-17), u Fabian Haken, (67-42, 46-66, 74-14, 72(72)-45), rispettivament. Peplow wettaq break ta’ 72 punt biex għalaq il-konfront tiegħu kontra l-Ġermaniż.
Min naħa l-oħra Brian Cini u Joseph Casha tilfu l-aħħar logħba biex l-Erbgħa wara li jintemmu l-aħħar 25 logħba li għad jonqos mill-ewwel fażi jkunu jafu min ser ikun l-avversarju tagħhom fir-round li jmiss. Dawn il-play-offs jintlagbu l-Erbgħa stess tard wara nofs in-nhar.
Brian Cini wara li filgħodu rebaħ b’mod faċli, b’punteġġ ta’ 3-0, (67-17, 66-7, 63-49), kontra Diego Minxalli tal-Albanija aktar tard sorprendentament safa’ megħlub, 3-0, (35-69, 26-60, 43-65), mill-Iskoċċiz ta’ 20 sena, Amaan Iqbal.
Joseph Casha tilef bi skor minimu ta’ 3-2, (30-65, 80-38, 63-37, 30-66, 58-69), kontra l-aqwa plejer li kien hemm fil-grupp miegħu, l-Ingliż, Craig Steadman li fil-karriera tiegħu f’dan l-isports, sal-2018, kellu status professjonali. F’mumenti minnhom meta Casha kien 2-1 min fuq, b’aktar attenzjoni setgħa jirbaħ il-konfront u jispiċċa l-ewwel fil-grupp tiegħu.
Philip Ciantar matul dan it-tielet jum ta’ kompetizzjoni ma’ kienx fl-azzjoni però għad għandu kull ċans biex jikkwalifika għar-round li jmiss u jispiċċa fit-tieni post fil-grupp tiegħu. Huwa jonqsu jilgħab kontra l-Portugiż, Miguel Ruivo fejn Ciantar jaffordja li jitlef il-konfront 3-2 u xorta jikkwalifika biex jilgħab fil-play-offs ta’ qabel ir-round tal-aħħar 64. B’hekk il-plejers Maltin ikunu kollha kkwalifikaw mill-fażi tal-gruppi. Il-logħba ta’ Ciantar tintlagħab l-Erbgħa fl-10 a.m.

