Tuesday, March 10, 2026

Kampjonat Ewropew tas-Snooker: Erba’ rebħiet oħra waqt il-Kampjonat Ewropew tas-Snooker fi Spanja

Aqra wkoll

It-Tnejn, kompliet il-fażi tal-gruppi tal-Kampjonat Ewropew tas-Snooker li qed isir f’Gandia, fi Spanja fejn il-plejers Maltin rebħu erba’ logħbiet minn ħamsa li lagħbu fihom waqt it-tieni jum ta’ kompetizzjoni.

F’din il-ġurnata daħal fl-azzjoni c-champion lokali kurrenti, Brian Cini, li minkejja li lagħab kontra avversarju inferjuri, l-Ispanjol, Jose Ignacio Enciso, huwa xorta pproduċa prestazzjoni mill-aqwa u fit-tliet frames wettaq breaks tajbin. Fil-fatt fit-tlett frames li ntlagħbu huwa wettaq breaks ta’ 86 punt, 101 punt u 66 punt rispettivament biex rebaħ il-logħba b’dawn il-punteġġi; 90-0, 112-8 u 75-14.

Aaron Busuttil, Chris Peplow u Joseph Casha, t-tlieta li huma rebħu bi skor identiku ta’ 3-1 u b’hekk kisbu t-tieni rebħa. Peplow u Casha huma l-ewwel żewġ plejers Maltin li matematikament ikkwalifikaw għat-tieni round filwaqt li Busuttil jiġi eliminat biss fl- eventwalità li ma’ jirbaħ l-ebda frame fl-aħħar logħba filwaqt li l-avversarju li rebaħ kontrih fit-tieni logħba jirbaħ 3-0.

Aaron Busuttil rebaħ kontra Martin Orinak tas-Slovakkja, 38-58, 66-33, 64-40 u 86-29, filwaqt li Chris Peplow għeleb lil Awstrijak, Thomas Janzso, 52-85, 69-2, 66-18 u 56-9. Kemm Busuttil kif ukoll Peplow tilfu l-ewwel frame iżda rkupraw tajjeb u wara rebħu tliet frames infila. Joseph Casha rebaħ kontra Kayhan Durukan tat-Turkija bl-iskors ta’ 67-44, 82-56, 30-60 u 65-43.

L-uniku plejer li tilef kien Philip Ciantar li lagħab kontra c-champion kurrenti Spanjol, Daan Leyssen Janssens li għeleb lil Malti, 3-0, bil-frames jintemmu, 50-54, 32-66 u 2-69. Il-kwalifikazzjoni ta’ Ciantar issa tiddependi mill-logħbiet li jonqos fi Grupp S. Li hu żgur hu li peress li Ciantar it-Tlieta ma’ jmissux jilgħab u l-aħħar logħba tiegħu tagħlaq dan il-grupp, l-eżitu tal-konfront bejn iż-żewġ plejers li diġà lagħab magħhom ser jagħti indikazzjoni jekk ikunx possibbli li jikkwalifika.

It-Tlieta, l-erba’ plejers Maltin l-oħra jtemmu l-impenji tagħhom fil-fażi tal-gruppi fejn Brian Cini jrid jilgħab darbtejn. Il-logħbiet tal-plejers Maltin fit-tielet jum ta’ dan il-kampjonat ser ikunu dawn:

12:30Group AOBrian CinivsDiego Minxalli (Albanija)
15:00Group EAaron BusuttilvsSebastiaan Kan (Olanda)
15:00Group FChris PeplowvsFabian Haken (Ġermanja)
15:00Group GJoseph CashavsCraig Steadman (Ingilterra)
17:30Group AOBrian CinivsAmaan Iqbal (Skozja)

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport