Friday, November 15, 2024

Kampjonat Ewropew tas-Snooker f’Malta: Bulcsu Revesz champion Ewropew tal-Under 18

Aqra wkoll

Iż-żagħżugħ Ungeriż Bulcsu Revesz sar ic-Champion Ewropew ta’ Taħt  it-18-il sena wara li rebaħ il-finali ta’ din il-kategorija kontra l-Ingliż Liam Pullen bil-frame deċiżiv għal punteġġ finali ta’ 4-3. 

Din il-finali żvolgiet f’waħda mill-aktar bilanċjata u wara l-ewwel erba’ frames il-punteġġ kien wieħed 2-2 pero’ Pullen rebaħ il-ħames frame reġa’ ħa l-vantagg. Fis-sitt frame Revesz wera t-talent tiegħu u rebħu bi clearance break ta’ 78 punt. Fis-seba’ u l-aħħar frame Revesz mar fuq quddiem mill-bidunett u minkejja li għamel foul għax laqat is-sewda, il-vantaġġ li bena ta’ aktar minn 30 punt kienu biżżejjed biex rebħu dan it-titlu presitġjuż.

Ta’ min isemmi li l-Ungeriż Revesz ikkwalifika għal din il-finali wara li kemm fil-kwarti finali u kif ukoll fis-semi finali rebaħ is-sebgħa u l-aħħar frame deċiżiv kontra ż-żewġ players tal-Latvja Filips Kalniņs u Artemijs Zizins rispettivament. 

Iż-żewġ finalisti, Revesz u Pullen, illum jerġgħu jilgħabu kontra avversarji differenti mal-aħħar 32 fil-kategorija ta’ Taħt il-21 sena.

Wara l-finali l-Viċi-President tal-European Billiards and Snooker Association, Ricardo Salgado, u l-President tal-Malta Billiards and Snooker Association, Ivan Brincat, għamlu l-preżentazzjonijiet lir-rebbieħa. Bħala l-aqwa break kien il-player tal-Latvja Andrejs Pripjoks li wettaq break eċċezzjonali ta’ 141, li s’issa huwa l-aqwa wieħed waqt dan il-kampjonat. 

Il-programm ta’ logħob li jmiss fis-sitt jum ta’ dan il-kampjonat ser ikun kollu mill-kompettizjoni ta’ Taħt il-21 sena fejn wara li tard il-bieraħ saru magħrufa l-aħħar 32 fl-ewwel sessjoni tal-lum jintlagħbu s-16 il-logħba ta’ din il-fażi. Aktar tard wara nofs in-nhar jkollna l-konfronti tal-Aħħar 16 kif ukoll tal-kwarti-finali. 

Illum il-logħob huwa pprogrammat li jitlesta kmieni peress li filgħaxija ssir iċ-ċeremonja tal-ftuħ. Din isservi bħala okkazzjoni li tlaqqa’ ħafna mis-177 player li matul il-jum tal-Ħadd jibdew l-impenji tagħhom fil-katergorija tal-irġiel. 

Bla dubju dan huwa l-qofol ta’ din l-edizzjoni tal-Kampjonat Ewropew li ser jara rappreżentanza minn 40 pajjiż differenti fosthom Malta. Dawn il-pajjiżi huma kollha membri tal-European Billiards and Snooker Association li b’kollox għandha fi ħdanha 49 pajjiż.

Ekonomija

Sport