Fi tmiem is-sitt ġurnata waqt dan il-Kampjonat Ewropew tas-Snooker saret ċeremonja simbolika li ddikjarat l-aktar parti importanti ta’ dawn il-logħob bħala miftuħa u s-Sibt li ġej inkunu nafu min ser ikun ic-Champion Ewropew. Fid-diskors tiegħu l-President tal-European Billiards and Snooker Association, Maxime Cassis, ikkonferma li dan qed ikun l-akbar kampjonat tas-snooker li qatt ġie organizzat tant li wera l-ħsieb li sena d-dieħla jalloka aktar ġranet biex isiru dawn il-kompetizzjonijiet. Huwa faħħar l-organizzazzjoni u l-impenn tal-Malta Billiards and Snooker Association taħt it-tmexxija ta’ Ivan Brincat u jinsab fiduċjuż li dawn ser ikunu suċċess.
Il-kampjonat ġie miftuħ uffiċċjalment mis-CEO ta’ SportMalta, is-Sur Mark Cutajar, li fakkar li Malta li għandha rabta b’saħħitha ma dan l-isport u bis-saħħa tas-suċċessi internazzjonali li kisbu fil-passat players bħal Pawlu Mifsud u Ġużi Grech u aktar riċenti Tony Drago u Alex Borg dan l-isport kiber ferm f’pajjiżna. Semma’ wkoll il-ħidma tal-ex-President tal-MBSA, Frans Bugeja, li bl-impenn tiegħu u l-għajnuna tal-Gvern illum Malta għandha ċentru modern u attrezzat biex wieħed jipprattika dan l-isport.
Matul dan il-Kampjonat Ewropew pajjizna f’dawn il-ħmistax ta’ snooker jkun laqa’ fostna mijiet ta’ nies bejn partċipanti, delegati, referees flimkien ma’ familjari u ħbieb tal-players li ġew minn 40 pajjiż differenti.
Il-Ħadd tibda l-aktar parti impenjattiva tal-kampjonat fejn 16-il player Malti ser inkunu qed jieħdu sehem fil-katgorija tal-irġiel. Mill-Ħadd sa nhar l-Erbġħa għandu jsir il-logħob kollhu tal-gruppi li fih ser jikkompetu 177 player li minnhom 96 jikkwalifikaw għal fażi tan-Knock Out.
Il-kompetizzjoni tas-Sibt kienet iffukata kompletament fuq il-Kampjonat ta’ Taħt il-21 sena fejn wara 28 logħba minn tliet fażijiet tan-Knock Out ikkwalifikaw l-aħħar erbġħa semi-finalisti li l-Ħadd jissieltu għal min ser isir iċ-champion Ewropew f’din il-kategorija u forsi aktar importanti li ismu jkun nominat mill-E.B.S.A. biex jirċievi World Snooker Tour Card għal żewġ istaġuni, 2023/24 u 2024/25.
Il-finali tintlagħab fis-6.00 pm u tkun fuq l-aħjar minn disa’ frames. Għal darb’orħa din il-finali ta’ dan il-Kampjonat Ewropew ser tkun trasmessa b’mod dirett fuq TVM Sport+. Aktar kmieni s-semi finali ser ikunu kkontestati minn Iulian Boiko (Ukranja) kontra Robbie McGuigan (Irlanda ta’ Fuq) u Ryan Davies (Ingilterra) kontra Liam Graham (Skozja), dawn jibdew fl-10.00 am u fis-2.00 pm rispettivament.