Il-Ħamis bdiet parti importanti ta’ dan il-Kampjonat Ewropew tas-Snooker għal fatt lir-rebbieħ f’din il-katgorija ta’ Taħt il-21 sena jkun nominat mill-European Billiards and Snooker Association biex jirċievi World Snooker Tour Card għal żewġ istaġuni, 2023/24 u 2024/25. B’hekk ikollu d-dritt li jipparteċipa bħala player professjonali fl-aqwa kompetizzjonijiet fix-xena dinjija tas-snooker mal-aqwa stilel tal-mument.
F’din il-kategorija qed jieħdu sehem 96 player u r-rebbieħ jiġi inkurunat nhar il-Ħadd li ġej wara li bejn fażi ta’ gruppi u knock-out jkunu ntlagħbu 207 logħba. Il-logħob kollu tal-gruppi jitlesta fuq jumejn u mill-kontigent Malti f’din il-kategorija qed jieħdu sehem Jake Agius, Luke Pace u Xavier Rizzo li fil-gruppi tagħhom għandhom oppożizzjoni ferm qawwija.
Jake Agius diġá lagħab u tilef kontra l-Ingliż Ryan Davies filwaqt li Luke Pace tilef kontra Iulian Boiko mill-Ukranja. Dawn iż-żewġ players huma fost il-favoriti li jistgħu jissiltu għar-rebħ ta’ dan it-titlu l-Ħadd li ġej. Davies f’din il-kateġorija huwa it-tieni l-aqwa player fil-rankings tas-Snooker fl-Ingilterra filwaqt li Boiko, li llum għad għandu 17-il sena, fl-istaġuni 2020/21 u 2021/22 diġa kien professjonali fil-World Snooker Tour.
Inċidentalment dawn it-tnejn kienu Iltaqgħu kontra xulxin fil-fażi tal-aħħar 32 waqt il-Kampjonat tal-Junior Open tal-World Snooker Federation li saru f’Malta wkoll fl-2020. Dak in-nhar Davies kien spiċċa rebbieħ bi frame deċiżiv.
Il-Ħamis tkompla wkoll il-logħob ta’ Taħt it-18-il sena fejn ntlagħabu t-tmien logħbiet tal-Aħħar 16 u tard filgħaxija ġew magħrufa l-erba’ semi-finalisti.