Ħames plejers tas-Snooker Maltin ser jieħdu sehem fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Kampjonat Ewropew tas-Snooker organizzat mill-European Billiards and Snooker Association li ser ikun qed isir f’Gandia, fi Spanja, bejn il-Ħadd 8 ta’ Marzu u s-Sibt 14 ta’ Marzu.
Il-plejers Maltin li serjin jipparteċipaw huma Brian Cini, iċ-champion renjanti lokali, Aaron Busuttil, Chris Peplow, Joseph Casha u Philip Ciantar. Dawn ser ikunu fost 173 plejer minn 40 pajjiż differenti. Il-parteċipanti ġew maqsuma fi 43 grupp, 42 minnhom ser ikunu ffurmati minn erba’ plejers iżda grupp wieħed, Grupp A, ser ikollu ħamsa.
Is-Sibt waranofsinhar tħabbru l-gruppi u l-avversarji tal-Maltin fl-ewwel erba’ t’ijiem ta’ kompetizzjoni ser ikunu dawn:
Brian Cini fi Grupp AO ser jilgħab kontra Jose Ignacio Enciso (Spanja), Diego Minxalli (Albanija), u Amaan Iqbal (Skożja).
Aaron Busuttil fi Grupp E ser jiltaqa’ ma Oscar Puigpinos (Spanja), Martin Orinak (Slovakkja), u Sebastiaan Kan (Olanda).
Chris Peplow fi Grupp F irid jaffronta lil Ayaan Iqbal (Skożja), Thomas Janzso (Awstrija), u Fabian Haken (Ġermanja).
L-avversarji ta’ Joseph Casha fi Grupp G ser ikunu Dan Merrigan (Irlanda), Kayhan Durukan (Turkija), u Craig Steadman (Ingilterra).
Philip Ciantar li jinsab fi Grupp S irid jilgħab kontra Hugo Van Houten (Olanda), Daan Leyssen Janssens (Spanja), u Miguel Ruivo (Portugall).
Fl-ewwel jum ta’ kompetizzjoni mill-fażi tal-gruppi mill-plejers Maltin, Brian Cini biss mhux ser jilgħab. L-ewwel fażi titlesta nhar l-Erbgħa, 11 ta’ Marzu.
Il-logħob kollu fl-ewwel jum għal plejers Maltin ser ikun dan:
| 10:00 | Grupp G | Joseph Casha | vs | Dan Merrigan (Irlanda) |
| 12:30 | Grupp E | Aaron Busuttil | vs | Oscar Puigpinos (Spanja) |
| 12:30 | Grupp S | Philip Ciantar | vs | Hugo Van Houten (Olanda) |
| 17:30 | Grupp F | Chris Peplow | vs | Ayaan Iqbal (Skozja) |



