Friday, March 13, 2026

Kampjonat Ewropew tas-Snooker: Tintemm il-mixja tal-Maltin fir-rawnd tal-Aħħar 32

Aqra wkoll

Il-Ħamis, waqt il-Kampjonat Ewropew tas-Snooker li qed isir f’Gandia, fi Spanja kompla l-istadju tan-knock out b’żewġ fażijiet: l-aħħar 64 u l-aħħar 32. It-tliet plejers li fil-ġurnata ta’ qabel għaddew għar-round tal-aħħar 64, Aaron Busuttil, Chris Peplow u Philip Ciantar, kienu fl-azzjoni iżda minnhom Busuttil biss irnexxielu jasal mal-aħħar 32 iżda minn naħa tiegħu ġie eliminat aktar tard f’din il-fażi.

Filgħodu Busuttil kellu rebħa eċċelenti ta’ 4-0, (90-8, 61-23, 61-0, 100-0), kontra Arturs Kengis tal-Latvja fejn għalaq l-aħħar frame u l-logħba bi break ta’ 87 punt, li huwa l-aħjar break ta’ Busuttil matul dan il-kampjonat.   

Wara nofsinhar l-avversarju ta’ Busuttil fir-rawnd tal-aħħar 32 kien il-Fillandiż, Robin Hull fejn iċ-ċirkustanzi kienu differenti minn dawk ta’ filgħodu. Fl-ewwel frame Busuttil falla li jieħu l-vantaġġ inizjali u Hull approfitta ruħu u rebaħ l-ewwel żewġ frames. Il-Malti xorta baqa’ determinat li jibqa’ fil-partita tant li kien hemm ħinijiet li naqqas l-iżvantaġġ għal 2-3 fejn fil-ħames frame għalaq bi break ta’ 52 punt. Fis-sitt frame, Hull reġa bena vantaġġ ta’ punti li kompla jikkonsolidah sakemm ġab lil Busuttil fil-ħtieġa ta’ żewġ maskri biex li jħalluh bit-tama li jġib id-draw. Wara diversi tentativi Busuttil mar telfa li biha kellu jċedi l-logħba. B’hekk Hull rebaħ bil-punteġġ ta’ 4-2 bil-frames jintemmu b’dawn il-punteġġi: 53-63, 45-83, 67-23, 33-84, 61-32 u 15-62.

Chris Peplow, minkejja li tilef kontra l-Ingliż, Zachary Richardson, seta’ jisforza l-frame deċiżiv li l-fortuna ma għenitx lill-avversarju tiegħu fis-sitt frame meta kien jonqos l-aħħar żewġ boċċi fuq il-mejda. Il-konfront intemm 4-2 b’dawn ir-riżultati: 41-59, 46-33, 8-70, 5-104, 64-40, 46-56.

Philip Ciantar sabha diffiċli kontra ż-żagħżugħ ta’ 16-il sena Rumen, Iustin Scripei li rebaħ l-ewwel żewġ frames li bihom bena kuraġġ minkejja li l-Malti momentarjament naqqas id-distakk għal 2-1. Fiż-żewġ frames suċċessivi, ż-żagħżugħ Rumen baqa’ kompost biex għalaq il-konfront favurih għal 4-1 bl-iskors tal-frames ikunu: 27-57, 26-63, 74-27, 17-77, 47-68.

Fil-kampjonat internazzjonali li jmiss organizzat mill-European Billiards and Snooker Association (EBSA), hemm skedati diversi kompetizzjonijiet, fosthom il-Masters, il-kampjonat Timijiet, is-6 Reds u x-Shoot-Out. Dawn huma ppjanati li jsiru f’Settembru li ġej, possibbilment fil-Bulgarija.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport