Marsaxlokk ……..1
Balzan ……………2
Żewġ żbalji tal-goalkeeper, Jose Maria Gobbi, irregalaw it-tliet punti lil Balzan biex ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1 wara li kienu Marsaxlokk li fetħu l-iskor.
Fil-veritá kienet ħasra li x-Xlukkajri ħarġu b’idejhom vojta minħabba li taw daqs kemm qalgħu f’partita bilanċjata.
Appena għaddew sitt minuti Balzan kienu għoddhom fetħu l-iskor meta Angel Yesid Torres inkariga minn corner li dawwar il-ballun għal fuq il-mimduda li ħasad għal kollox lill-goalkeeper Jose Maria Gobbi.
Żewġ minuti wara Paul Fenech seta’ għamel aħjar meta minn pożizzjoni ideali xeħet ferm għoli.
Fit-13-il minuta, Marsaxlokk heddew għall-ewwel darba meta mill-cross ta’ Leandro Aguirre, id-daqqa ta’ ras ta’ Tiago Fonseca spiċċat għoli. Sitt minuti wara, l-istess player impenja lil Jonathan Debono b’xutt qawwi angolat.
Fit-23 minuta, Marsaxlokk fetħu l-iskor meta ngħataw free-kick barra l-kaxxa u b’xutt ikkalkulat ADRIAN FERRARIS xeħet fir-rokna tas-saqaf tax-xibka.
Żewġ minuti wara minn azzjoni oħra ta’ free-kick, ix-Xlukkajri resqu viċin li jirduppjaw iżda kien Benjamin Hili li evita l-goal meta antiċipa fil-ħin lil Wellington De Sousa.
Fit-32 minuta, mill-free-kick fuq ix-xellug ta’ Aguirre l-ballun wasal għand Chris Uzeh Edafe li minn qagħda tajba x-xutt tiegħu ħabat max-xibka ta’ barra.
Ħames minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Balzan fallew ċans tad-deheb meta Gobbi antiċipa lil Alex Satariano, bil-ballun jasal għand Aleksic Andrejic li b’lasti vojta xeħet barra. Iżda minuta wara, minn azzjoni mejta, ALEX SATARIANO seraq il-ballun minn saqajn Gobbi u xeħet fir-rokna tax-xibka.
Fit-62 minuta, Balzan irduppjaw meta ANGEL TORRES ikkonkluda b’xutt fil-baxx wara li rċieva mingħand Andrejic li minkejja kien xi ftit dgħajjef għadda minn taħt il-goalkeeper Gobbi.
Fil-ħin miżjud kien Jonathan Debono li salva r-riżultat għal Balzan meta dawwar f’corner id-daqqa ta’ ras ta’ Wellington minn taħt il-lasti.
MARSAXLOKK: 23-Jose Maria Gobbi, 5-Chris Uzeh Edafe, 10-Conor Borg (7-Ayrton Attard 65),14-Walter Serrano, 19-Emerson Vella (11-Alfred Effiong 71), 21-Adrian Ferraris Santiago, 27-Leandro Aguirre, 37-Wellington Valentim De Sousa (96-Daniel Agius 65), 88-Dejan Vukovic, 99-Tiago Adan Fonseca – Coach: Pablo Doffo
BALZAN: 23-Jonathan Debono, 2-Ivan Bozovic (4-Duvan Torres Quinones 88), 6-Marcus Grima, 8-Paul Fenech, 10-Angel Yesid Torres, 11-Benjamin Hili (5-Samir Arab 88), 18-Uros Ljubomirac, 19-Milos Zlatkovic, 21-Alexander Satariano (88-Bojan Kaljevic 77), 27-Momcilo Raso, 77-Aleksa Andrejic (33-Matheus Nogureira de Sousa 64) – Coach: Oliver Spiteri
REFEREE: Stefan Pace
ASS. REFEREES: Mitchell Scerri, Thomas Debono
RABA’ UFF: Daniel Casha
SKORERS: A. Ferraris 23 (M), A. Satariano 51, A. Torres 62 (B)
AMMONITI: U. Ljubomirac, A. Torres, B. Hili, M. Raso (B), A. Ferraris, C. Uzeh Edafe (M)