Illum jirritorna l-Kampjonat Premier wara waqfa ta’ ġimagħtejn minħabba l-impenji tat-team nazzjonali fir-round ta’ kwalifikazzjoni tal-Euro 2024.
B’Hamrun Spartans diġá dikjarati champions, l-attenzjoni fi tmiem din il-ġimgħa ddur fuq il-konfront dirett bejn Birkirkara u Hibernians li qed jissieltu għal post fil-kompetizzjoni tal- UEFA Conference League.
Birkirkara v Hibernians – Bla dubju, din hija l-aqwa partita tat-23 ġurnata fejn mistennija tiġbed folla numeruża lejn in-National Stadium.
Minkejja li xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji taż-żewġ timijiet, il-pressjoni tinsab fuq Hibernians minħabba li ma jistgħux ifallu jekk iridu jibqgħu f’kuntatt maż-żona Ewropea.
L-ebda team ma għandu players sospiżi filwaqt li jirritornaw minn sospensjoni – Paul Mbong għal Birkirkara u Gonzalo Llerena għal Hibernians.
Fl-ewwel round, iż-żewġ timijiet temmew fi draw ta’ 1-1.
Gzira U. v Mosta – Gzira United jaffrontaw lil Mosta fejn jimmiraw li jsaħħu t-tieni post tal-klassifika.
Iżda mhux se jistennew l-ebda favuri mill-Mostin li għadhom biċ-ċans li jisfidaw għal post fil-UEFA Conference League.
Iżda dawn tal-aħħar għandhom liż-żewġ players, Jacob Akrong u Jonas Rodriguez Ekani, sospiżi.
Fl-ewwel round, Gzira kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0.
Balzan v Hamrun S. – Iċ-champions il-ġodda, Hamrun Spartans, jilagħbu kontra Balzan.
U filwaqt li din il-partita hija formalitá għall-Ispartans, rebħa għal Balzan tpoġġihom f’pożizzjoni tajba u ideali li jkomplu jisfidaw għal post fil-Conference League.
Iż-żewġ timijiet se jkunu msaħħa bir-ritorn minn sospensjoni ta’ Angel Yesid Torres (Balzan) u Jonny Torres (Hamrun S.).
Fl-ewwel round, il-Ħamruniżi ħarġu rebbieħa bl-iskor ta 1-0.
Gudja U. v Sirens– Din hija partita bejn żewġ timijiet li jinsabu taħt nofs il-klassifika iżda mhux fil- periklu tar-relegazzjoni.
L-ebda team m’għandu players sospiżi filwaqt li Neil Anthony Micallef jirritorna għal Gudja minn sospensjoni.
Huma jridu jpattu għat- telfa ta’ 2-0 tal-ewwel round kontra l-Pawlini.
Zebbug R. v Valletta – Il-pressjoni tinsab kollha fuq Zebbug Rangers meta jiffaċċjaw lil Valletta li jinsabu fit-tmien post tal-klassifika.
Ir-Rangers iridu joħorġu bit-tliet punti jekk iridu jibqgħu jaspiraw li jsalvaw posthom hekk kif jinsbu fit-tielet post mill-aħħar.
Huma għandhom lil Yanis Tonna sospiż.
Fl-ewwel round il-Beltin għelbu lir-Rangers 3-0.
Marsaxlokk v Pietá H. – Telfa għal Pietá Hotspurs kontra Marsaxlokk tressaqhom lejn ix-xifer tar-relegazzjoni. Min-naħa l-oħra, rebħa għax-Xlukkajri taċċertalhom is-salvazzjoni.
Il-Hotspurs għandhom lil Ganiu Atanda sospiż iżda jirritornaw Terence Agius u Alan Schembri Wismayer … filwaqt li Tiago Adan Fonseca u Marko Drobnjak jirritornaw għal Marsaxlokk.
Fl-ewwel round iż-żewġ timijiet temmew fi draw ta’ 1-1.
Sta Lucia v Floriana – Sta Lucia jilagħbu kontra Floriana, hekk kif rebħa għalihom hija imperattiva minħabba li jinsabu fil-post ta’ qabel l-aħħar minkejja li jidher li ftit hemm tama għas-salvazzjoni.
Jose Arias u Emiliano Callegari jirritornaw għal Floriana minn sospensjoni filwaqt li Rodolfo Soares jirritorna għal -uċjani.
Il-Greens ħarġu rebbieħa fl-ewwel round bl-iskor ta’ 1-0.