Sunday, November 24, 2024

Kampjonat Premier: Birkirkara waħedhom f’ras il-klassifika

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Birkirkara ……..1

Floriana …….….0

F’partita ferm movimentata, Birkirkara għelbu lil Floriana bl-iskor minimu ta’ 1-0 biex l-Istripes baqgħu b’punti massimi minn tliet logħbiet u jinsabu waħedhom fil-quċċata tal-klassifika.

Kien fis-16-il minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota bl-Istripes ikunu huma li joħolqu l-periklu meta cross insidjuż ta’ Cain Attard kważi qarraq għal kollox bil-goalkeeper Bulgaru, Georgi Kitanov, li għal ftit ma kkomettiex auto-goal, fejn fortunatament għalih ra l-ballun jintemm f’corner.

Floriana wieġbu fit-33 mi­nuta meta Eden Hersh­kovich waħdu quddiem il-goalkeeper Taljan, Giacomo Nava, ra lil dan tal-aħħar isalva tajjeb fejn żgur li l-player tal-Greens seta’ għamel aħjar fil-konklużjoni tiegħu.

Il-Furjaniżi komplew fuq l-offensiva u fil-41 minuta, Jan Busuttil, indirizza free-kick insidjuż fil-kaxxa bi Christian Rutjens ma jolqotx il-ballun b’rasu biex intemm f’idejn Nava, bl-Istripes jeħilsuha ħafif.

L-Istripes irrispondew fil-45 minuta meta Kevin Tuli­mieri għadda tajjeb lejn Alex Da Paixao Alves, iżda pront kien id-difensur ta’ Floriana Oualid El Hasni li interċetta tajjeb qabel seta’ jilħaq Enzo Daniel Cabrera. 

It-tieni taqsima bdiet b’tentattiv ta’ Eden Hershkovich li ntemm għoli iżda fit-53 minuta Birkirkara resqu viċin meta l-ballun wasal għand Alex Da Paixo Alves wara li xellef il-ballun Matias Garcia iżda x-xutt tiegħu ġie salvat minn Kitanov.

Fil-61 minuta, Kemar Reid kellu x-xutt tiegħu jgħaddi ftit barra  u fil-75 minuta, Birkirkara skorjaw il-goal tar-rebħa meta Cain Attard għadda taj­jeb lejn Paul Mbong li kom­pla lejn KEVIN TULIMIERI li wara li qabeż difensur xeħet fir-rokna tax-xibka.

Fil-81 minuta, Birkirkara resqu viċin li jirduppjaw l-iskor meta Paul Mbong kellu xutt sabiħ salvat mill-goalkeeper Furjaniż megħjun mill-wieqfa.

BIRKIRKARA: 1-Giacomo Nava, 5-Enrico Pepe, 6-Die­go Pires Dall’Oca (77-Denis Custodio Ribeiro 83), 7-Alex Da Paixao Alves, 8-Yannick Yankam, 11-Kurt Zammit (2-Osvaldo Iorio 46), 22-Cain Attard, 25-Neil Micallef (10-Paul Mbong 59), 30-Enzo Daniel Cabrera (20-Federico Falcone 59), 72-Alessandro Coppola, 92-Kevin Tulimieri (4-Adam Camilleri 93) – Coach: Giovanni Tedesco

FLORIANA: 33-Georgi Kitanov, 2-Adam Magri Overend, 3-Christian Rutjens, 4-Oualid El Hasni, 9-Andrei Ciolacu, 20-Matias Nicolas Garcia, 21-Carlo Zammit Lonardelli, 25-Lorenzo Trillo, 28-Emiliano Callegari (7-Mattia Veselji 77), 30-Jan Busuttil (11-James Scicluna 68), 72-Eden Hershkovich (8-Kemar Reid 60)   – Coach: Gianluca Atzori

REFEREE: Matthew Degabriele

ASS. REFEREES: Jurgen Spiteri, Mitchell Scerri

RABA’ UFF: Andrea Sciriha

SKORER: K. Tulimieri 75 (B)

AMMONITI: K. Zammit, Y. Yankam, N. Micallef (B), E. Hershovich, J. Busuttil (F)

Sport