Minn Cristian Muscat
Pietá H……………0
Valletta…………..6
Wara staġun diżappuntanti, l-affarijiet qed jidhru sbieħ għal Valletta fejn wara d-draw pożittiv ta’ 1-1 kontra Hibernians, kien imiss li jiksbu rebħa kbira ta’ 6-0 fuq it-team promoss ta’ Pietá Hotspurs.
Mal-kwarta logħob, il-coach ta’ Pietá Hotspurs, Rodney Bugeja kien kostrett jeffettwa sostituzzjoni sfurzata hekk kif weġġa’ l-goalkeeper titolari, Dele Sunday Alampas,u biex minfloku daħal jilgħab il-goalkeeper żagħżugħ ta’ riserva, Reeves Cini.
Kienu l-Hotspurs li ħolqu l-ewwel periklu fid-19-il minuta u tilfu ċans tad-deheb li jiftħu l-iskor meta Sekou Camara serva fuq platt tal-fidda lil Terence Agius iżda dan wiċċ imb’wiċċ mal-goalkeeper Taljan tal-Lilywhites, Alessandro Guarnone, tefa’ inkreddibilment barra.
Valletta fetħu l-iskor fil-31 minuta meta Brandon Paiber b’eleganza liema bħalha qabeż żewġ difensusri avversarji fuq il-lemin qabel għadda tajjeb lejn KILIAN BEVIS li permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ l-ballun fix-xibka.
Huma komplew fuq l-offensiva u 10 minuti wara rebħu penalty meta Shaun Dimech żmarka lil Enmy Manuel Pena Beltre iżda dan twaqqa’ fil-kaxxa minn Samuel Okoh. Mill-11-il mteru nkariga ruħu ż-żagħżugħ SHAUN DIMECH li ma żbaljax hekk kif tefa’ l-ballun naħa u lil Reeves Cini n-naħa opposta.
Fil-45 minuta eżattament qabel tmiem l-ewwel taqsima, il-Beltin skorjaw it-tielet goal meta Shaun Dimech ipprova jaqbeż difensur avversarju, bil-ballun jintemm għand OKE AKPOVETA li wara li dar tajjeb ma’ difensur avversarju, tefa’ ġewwa.
Fit-tieni taqsima, it-team mill-belt kapitali kompla fejn ħalla qabel il-mistrieħ minħabba li wara biss 60 sekondi huma komplew ikabbru l-iskor meta Gania Ogungbe ddevja l-ballun għal għand ENMYPENA BELTRE li permezz ta’ xutt b’saħħtu ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper żagħżugħ tal-Hotspurs isalva.
Fil-50 minuta Pietá ħolqu okkażjoni remota ta’ skor meta Ito Yasukaze għadda tajjeb lejn Yuto Morita fil-kaxxa iżda dan spara għoli.
Madankollu, reġgħu kienu Valletta li ħames minuti wara għamluhom ħamsa permezz ta’ xutt mill-isbaħ minn barra l-kaxxa ta’ ESLIT SALA.
Fis-56 minuta, kellu jkun Guarnone li ċaħħad lil Pietá minn goal ta’ konsolazzjoni meta salva tajjeb fuq daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Sekou Camara.
Dan sabiex mas-siegħa logħob, Valletta, rebħu t-tieni penalty meta Atanda Ganiu Ogungbe waqqa’ lis-sostitut JENA MARIE NNOMO fil-kaxxa, biex mill-11-il metru l-istess attakkant ma żbaljax.
Fil-75 minuta, Valletta kienu għoddhom skorjaw is-sitt goal meta Shaun Dimech minn pożizzjoni ideali ra lil Reeves Cini jsalva tajjeb.
Bil-logħba mirbuħa u mitlufa, Valletta kkontrollaw il-vantaġġ komdu li kellhom sa tmiem il-partita u qatt ma taw ċans lil Pietá jidħlu fil-logħba.
Pietá H.: 12-Dele Sunday Alampasu (1-Reeves Cini 15), 2-Samuel Okoh, 3-Clinton Bangura, 5-Ito Yasukaze, 7-Jake Ghio, 8-Terence Agius (4-Sheldon Mizzi 62), 19-Yuto Morita (11-Alan David Schembri Wismayer 56), 22-Zean Leonardi, 24-Atanda Ganiu Ogungbe, 77-Amadaou Camara Sekou (90-Ange Aboa Belibi 62), 99-Takuma Yamaguchi Coach: Rodney Bugeja
Valletta: 26-Alessandro Guarnone, 3-Enzo Ruiz, 4-Jean Borg, 10-Shaun Dimech (13-Isaiah Micallef 73), 11-Oke Akpoveta (28-Jean Marie Nnomo 60), 14-Christian Gauci, 18-Enmy Manuel Pena Beltre (6-Sheldon Mackay 68), 21-Steed Bradley Kandem Fewo (80-Joseph Willy 68), 22-Brandon Paiber, 66-Eslit Sala, 93-Kilian Bevis (9-Andrea Zammit 58) Coach: Thane Micallef
Referee: Etienne Mangion
Ass. Referees: Mitchell Scerri, Paul Apap
Raba’ Uffiċjal: Matthew De Gabriele
Skorers: K. Bevis 31, S. Dimech pen. 41, O. Akpoveta 45, E. M. Pena Beltre 46, E. Sala 55, J. M. Nnomo pen. 60 (V)
Ammoniti: S. Okoh, A. G. Ogungbe (P)
Player tal-Logħba: Shaun Dimech (V)