Sunday, December 22, 2024

Kampjonat Premier: Floriana f’partita delikata kontra Marsaxlokk

Aqra wkoll

Bejn illum u għada tintlagħab il-11-il ġurnata tal-BOV Kampjonat Premier bl-aħħar programm qabel il-waqfa tal-festi tal-Milied fejn imbagħad jerġa’ jkompli, fis-6 ta’ Jannar.  

Bla dubju, dan tmiem il-ġimgħa se joffri bosta partiti interessanti kemm min-naħa ta’ fuq kif ukoll min-naħa t’isfel. 

Iżda l-aqwa waħda hija dik bejn Floriana u Marsa­xlokk li qed jokkupaw l-ewwel u t-tielet post rispettivament fejn id-differenza ta’ punti hija dik ta’ sebgħa. 

Min-naħa ta’ Hamrun Spartans, li jinsabu fit-tieni post, se jaffrontaw lil Sta Lucia li jinsabu fit-tieni post mill-aħħar. 

Filwaqt li jittamaw għal żelqa Furjaniża, l-Ispartans jibdew favoriti li jiksbu t-tliet punti. 

Konfront ieħor mill-aktar interessanti huwa dak bejn Balzan u Valletta li ħadd minnhom ma jista’ jfalli minħabba li huma mhedda mill-biżgħa tar-relegazzjoni. 

Naxxar Lions jimmiraw li jirritornaw għar-rebħ meta jilagħbu kontra Sliema Wanderers li jinsabu f’forma formidabbli filwaqt li xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa lil Mosta hekk kif jiffaċċjaw lil Hibernians. 

Partita li tlaqqa’ żewġ timijiet li ddiżappuntaw bil- kbir hija dik bejn Birkirkara u Gzira Uni­ted filwaqt li Gudja United jilagħbu kontra Sirens, biż-żewġ timijiet għadhom mingħajr rebħa.

Floriana v Marsaxlokk – Il-leaders Floriana għandhom partita mill-aktar diffiċli kontra Marsaxlokk li, fil-veritá, huma sfidanti denju għal post fil-kompetiz­zjoni tal-UEFA Conference League. 

Iż-żewġ timijiet ġejjin minn rebħa identika ta’ 3-0, Floriana kontra Mosta u Marsaxlokk kontra Sta Lucia. 

Dan huwa konfront li jista’ jmur kull naħa hekk kif iż-żewġ timijiet huma armati tajjeb f’kull dipartiment, għalkemm id-difiża ta’ Floriana hija xi ftit aħjar. 

Il-Greens se jkun bl-aqwa formazzjoni possibbli filwaqt li x-Xlukkajri se jkollhom nieqes lil Armah Ayo Vaikainah li jkun qed jiskonta t-tieni sospensjoni.

Sta Lucia v Hamrun S. – Fuq il-karta, Hamrun Spartans jibdew favoriti li jiksbu t-tliet punti meta jiltaqgħu kontra Sta Lucia li jinsabu fil-post ta’ qabel l-aħħar. 

Peró, l-Ispartans iridu juru rispett massimu lejn l-avversarji tagħhom li jkunu qed jimmiraw li jirreġistraw it-tieni rebħa tal-istaġun, wara dik kontra Mosta bl-iskor ta’ 1-0.

Wara t-telfa ta’ 3-0, Hamrun jidhru team trasformat fejn reġgħu qabdu l-forma li tagħmilhom il-favoriti li jirbħu l-kampjonat għat-tieni sena konsekuttiva. 

Huma jilqgħu fil-ferħa liż-żewġ players, Elionay Freitas Da Silva u Ognjen Bjelicic, minn sospensjoni iżda Ryan Camenzuli huwa sospiż. 

Balzan v Valletta – Dan huwa konfront dirett bejn Balzan u Valletta li rebħa hija imperattiva għax jistgħu jinqabdu fil-ġlieda kontra r-relegazzjoni. 

Rebħa għal Balzan tkun tfisser pass żgħir lejn is-salvazzjoni u tixħet lil Valletta f’aktar inkwiet. Iżda rebħa għall-Beltin tkun tfisser li jilħqu lill-Balzanin fit-tmien jew fid-disa’ post. 

Aktar minn hekk, il-Lilywhites ilhom  ma jirbħu għal dawn l-aħħar ħames ħarġiet li fihom kisbu biss żewġ punti.

Huma se jkollhom lura lil Neil Anthony Micallef minn sospensjoni.

Birkirkara v Gzira U.– Din hija partita bejn żewġ ti­mijiet li kienu meqjusa li se jkunu minn fost l-isfidanti għar-rebħ tat-titlu, li iżda ddiżappuntaw bil-kbir, speċ­jalment Birkirkara. 

Wara li għelbu lil Hamrun Spartans bl-iskor ta’ 3-0, kulħadd antiċipa li l-Istripes kienu se jgħollu l-li­vell tal-logħba tagħhom għall-kumplament tal-ista­ġun.

Iżda huma ddiżappuntaw bil-kbir meta fil-logħba sussegwenti tal-kampjonat setgħu biss jispiċċaw fi draw ta’ 1-1 kontra Gudja United.  

U bejn dawn iż-żewġ partiti, sfaw umiljati mill-istess Spartans fil-finali tas-Super Cup bl-iskor ta’ 4-0. 

Min-naħa ta’ Gzira Uni­ted, kuntrarju għall-istaġun li għadda, huma team enigma.

Birkirkara ma jistgħux jinkludu lis-sospiż Nicholas James Agius iżda jirritorna Jovan Pajovic minn sospensjoni.

Għall-Maroons jirritorna Gabriel Bohrer Mentz iżda Carlos Luis Riascos jibqa’ sospiż. 

Hibernians v Mosta– Din hija partita delikata li tista’ tmur kull naħa. 

Mosta ma jaffordawx aktar telf ta’ punti wara li ġejjin minn draw u tliet tel­fiet biex jinsabu fiż-żona tar-relegazzjoni. 

Rebħa ttella’ lil Hiber­nians f’pożizzjoni li jistgħu jisfidaw għal post fl-Ewropa.

Mosta se jkunu mingħajr iż-żewġ players sospiżi, Damian Aneni Evans u Za­chary Brincat filwaqt li Sacha Cachia jirritorna minn sospensjoni. 

Naxxar L. v Sliema W. – Naxxar Lions jimmiraw li jirritornaw għar-rebħ wara d-draw ta’ 1-1 kontra Sirens meta jaffrontaw lil Sliema Wanderers li ġejjin minn erba’ rebħiet fl-aħħar ħames ħarġiet. 

Il-Wanderers għandhom lil Gustavo Alcino sospiż iżda jirritorna Bernardo Freire minn sospensjoni.

Għal Naxxar jirritornaw Elizeu Da Conceicao u William Da Silva Marcilio.

Gudja U. v Sirens– Din hija partita mill-aktar inte­ressanti hekk kif iż-żewġ timijiet qed jimmiraw għall- ewwel rebħa tal-istaġun.

Għandha tkun partita eċċitanti minħabba li t-tnejn mis­tennija jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli.  

Ekonomija

Sport