Bejn illum u għada tintlagħab il-15-il ġurnata tal-BOV Kampjonat Premier hekk kif il-klassifika qed timmatura u minkejja xejn ma għadu deċiż, hemm indikazzjonijiet liema se jkunu t-timijiet li se jissieltu għall-unuri, dawk li se jkunu f’nofs il-klassifika u dawk li se jissieltu kontra r-relegazzjoni.
L-aktar partita li tispikka fil-programm ta’ tmiem il-ġimgħa hija dik bejn Floriana u Birkirkara filwaqt li konfront ieħor interessanti huwa dak bejn Gzira United u Valletta. L-attenzjoni tkun mixħuta wkoll fuq Sliema Wanderers li jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika u li se jkunu nvoluti f’konfront dirett kontra Gudja United.
Floriana v Birkirkara – Dawn iż-żewġ timijiet jinżlu għal dan il-konfront b’moral għoli hekk kif ġejjin minn rebħa impressjonanti kontra avversarji diffiċli.
Filwaqt li l-Greens għelbu lir-rivali eterni Valletta bl-iskor ta’ 2-0, l-Istripes irreġistraw rebħa drammatika ta’ 3-2 fuq Balzan meta sal-aħħar ħames minuti kienu fi żvantaġġ ta’ 2-0.
Rebħa hija vitali għaż-żewġ naħat … Floriana biex isaħħu t-tieni pożizzjoni filwaqt li Birkirkara jistgħu jilħquhom meta għadhom iridu jirkupraw logħba, dik kontra Hamrun Spartans.
Iż-żewġ timijiet mistennija jinżlu bl-istess formazzjoni inizjali tal-aħħar ħarġa tagħhom hekk kif ma għandhomx players neqsin.
Fl-ewwel round ħadu punt kull wieħed fi draw ta’ 1-1.
Balzan v Hamrun S. – Iċ-champions renjanti, Hamrun Spartans jaffrontaw lil Balzan f’partita mill- aktar diffiċli.
Dan minħabba li minkejja li ġejjin minn rebħa kontra Mosta bl-iskor ta’ 2-1 ftit li xejn impressjonaw u jekk iridu jibqgħu jisfidaw għar-rebħ tat-titlu, iridu jgħollu l-logħba tagħhom.
Min-naħa tagħhom, Balzan irmew vantaġġ ta’ żewġ goals biex ħarġu telliefa kontra Birkirkara u għaldaqstant jinżlu aktar determinati fit-tentattiv biex jibqgħu jisfidaw għal post fil-kompetizzjonjiet Ewropej. Telfa tkun tfisser skoss qawwi fl-objettiv tagħhom li jagħmlu dan.
Il-Ħamruniżi ma jistgħux iwaqqgħu punti wara ż- żelqa tal-leaders Hibernians matul il-ġimgħa u meta għad iridu jirkupraw partita jistgħu jnaqqsu d-distakk għal ħames punti.
Barra minn hekk iridu jpattu għat-telfa ta’ 1-0 tal- ewwel round.
Gudja U. v Sliema W.– Din hija logħba diretta bejn żewġ timijiet li jinsabu fin-naħa t’isfel tal-klassifika.
Iżda filwaqt li bir-rebħa ta’ 3-0 fuq Sta Lucia, Gudja United ħarġu miż-żona tar- relegazzjoni, Sliema Wanderers jinsabu f’inkwiet kbir hekk kif huma ankrati fil-qiegħ tal-klassifika, b’erbgħa punti biss u huma l-uniku team li għadu qed ifittex l-ewwel rebħa.
Għaldaqstant xejn għajr mit-tliet punti ma jissodisfaw il-kriterji tagħhom minħabba li huma distakkati b’sebgħa punti miż-żewġ timijiet li jinsabu fil-post ta’ qabel l-aħħar, Mosta u Sta Lucia.
Għall-Gudjani jirritorna Farid Zuniga kif ukoll Kurt Shaw għas-Slimiżi, it-tnejn minn sospensjoni.
Fl-ewwel round, Gudja kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-2.
Mosta v Hibernians– Wara li ġew miżmuma fi draw ta’ 1-1 minn Sirens, il-pressjoni fuq Hibernians issa tibda tiżdied għall-fatt li jridu joħorġu rebbieħa.
Anke jekk huma jibdew favoriti li jiksbu t-tliet punti, xorta waħda jridu juru rispett massimu lejn Mosta konxji mill-fatt li dawn tal-aħħar kienu sfida denja għall-Ispartans bil-konsegwenza li batew biex laħqu l-għan tagħhom.
Min-naħa ta’ Mosta, dawn l-anqas jistgħu joħorġu b’idejhom vojta minħabba minħabba t-taqtiegħa li għandhom kontra Gudja United u Sta Lucia hekk kif jidher li wieħed minnhom se jitlef postu mal-kbar … flimkien ma’ Sliema Wanderers … jekk dawn tal-aħħar ma jirkuprawx mill-forma ħażina li għaddejjin minnha.
Il-Pawlisti jkunu msaħħa bir-ritorna ta’ Ferdinando Apap u Thaylor Adama minn sospenjsoni filwaqt li għal Mosta jirritorna Tyrone Farrugia għall-istess raġuni.
Fl-ewwel konfront Hibernians għelbu lil Mosta 3-2.
Gzira U. v Valletta– Din għandha tkun partita mill-aktar bilanċjata u miftuħa għal kull riżultat.
Gzira United u Valletta għandhom l-istess ammont ta’ punti u jinsabu fil-ħames post tal-klassifika.
Għalhekk ħadd minnhom ma jrid ibaxxi rasu speċjalment Valletta li ġejjin minn tliet telfiet konsekuttivi għat-tieni darba f’dan l-istaġun biex issa nqtagħu għal kollox mill-isfida għar-rebħ tat-titlu.
U jekk ma jirriorganizzawx lilhom infushom teżisti l-possibbiltá li jistgħu jfallu milli jikkwalifikaw għaċ-Championship Pool minħabba li hemm taqtiegħa bejn tmien timijiet li tnejn minnhom iridu jibqgħu barra.
Għall-Gżirjani, li għelbu lil Valletta bl-iskor ta’ 2-0 fl-ewwel round, se jirritorna Luke Tabone minn sospensjoni li f’dan l-istaġun tkeċċa darbtejn. Għall-Beltin, jirritorna James Arthur, ukoll minn sospensjoni.
Sirens v Sta Lucia – Dan huwa konfront delikat għal Sirens li jaffrontaw lil Sta Lucia li huma fil-bżonn tal-punti u għadhom kif keċċew lill-coach, Oliver Spiteri.
Għaldaqstant iż-żewġ timijiet għandhom jippreżentaw partita eċċitanti bi pjan offensiv hekk kif iridu joħorġu bit-tliet punti.
Barra minn hekk Sta Lucia, li xejn ma huma għaddejjin minn forma tajba meta fl-aħħar ħames partiti kisbu biss żewġ punti, iridu jpattu għad-diżappunt tat-telfa ta’ 3-1 li sofrew fl- ewwel round.
Il-Pawlini jittamaw li l-goalkeeper, Jonathan Debono, jerġa’ jkun fl-aħjar tiegħu bħal ma kien fid-draw ta’ 1-1 kontra Hibs.
Iżda huma se jkollhom jgħaddu mingħajr is-servizzi ta’ Fernando Brandan u Adrian Borg li jinsabu sospiżi.
Għal-Luċjani jirritornaw Gianmarco Conti u Victor Luis Filho minn sospensjoni.