Friday, November 15, 2024

Kampjonat Premier: Hamrun S. punt bogħod biex jiġu dikjarati champions

Aqra wkoll

Meta tintlagħab it-22 ġur­nata tal-BOV Kam­pjonat Premier, teżisti possibbiltá kbira li Hamrun Spartans jiġu dikjarati champions għas-disa’ darba fl-istorja tal-football Malti meta kontra Gzira United, li jinsabu fit-tieni post, ikunu jridu biss punt.  

B’hekk huma jżommu l-vantaġġ ta’ 14-il punt u meta jkun fadal erba’ partiti għat-tmiem (12-il punt), huma ma jkunux jistgħu jintlaħqu. 

Partita oħra mill-aktar interessanti hija dik bejn Birkirkara u Mosta li filwaqt li jittamaw għal żelqa Gżirjana, xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kri­terji tagħhom biex ikomplu jisfidaw għat-tieni u t-tielet post li jfisser biljett għall-UEFA Conference Lea­gue. 

Hamrun S. v Gzira U. – Kollox jinsab lest biex Hamrun Spartans jiġu dikjarati champions hekk kif mistennija attendenza kbira fl-Istadium Nazzjonali biex jibdew iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ dan id-disa’ rebħ tat-titlu. 

Huma se jaffrontaw lil Gzira United li ġejjin minn telfa xejn mistennija kontra Valletta li ma jrid jitnaqqas l-ebda mertu tal-Lilywhites għar-rebħa ta’ 2-1. 

Fir-realtá, l-Ispartans id­dominaw dan l-istaġun u ħarbu waħedhom biex il-mistoqsija li jsiru cham­pions hija ta’ “meta” u mhux “jekk”. 

F’każ li huma joħorġu telliefa, huma jkunu jridu jistennew sal-programm li jmiss, dak tal-1 ta’ April, kontra Balzan. 

Għal kontra l-Maroons, l-Ispartans għandhom nie­qes lis-sospiż Jonny Torres iżda jirritorna d-difensur Steve Borg minn sospensjoni. 

Min-naħa tagħhom, il- Maroons ikunu msaħħa bir- ritorn ta’ Luis Carlos Riascos u Steve Pisani. 

Fl-ewwel round Hamrun kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor 2-1.  

Valletta v Balzan – Dan huwa konfront bejn żewġ timijiet li ġejjin minn rebħa, Valletta kontra Gzira United (2-1) u Balzan kontra Floriana (3-1). 

 Balzan għandhom bżonn rebħa aktar minn Valletta minħabba li jinsabu fit-taq­tiegħa għaż-żona Ewropea filwaqt li l-Beltin jinsabu xxam­plati f’nofs il-klassifika. Peró żgur li m’huma se jagħmlu l-ebda pjaċir!

Balzan se jkollhom jgħaddu mingħajr is-servizzi tas-sospiż Angel Yesid Torres li huwa l-aqwa skorer tat-team tiegħu bi 12-il goal.  Iżda jirritorna Momcilo Ra­so minn sospensjoni. 

Min-naħa l-oħra, Eslit Sala jirritorna għall-Beltin li fl-ewwel round ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-1.

Hibernians v Marsaxlokk– Hibernians, li jinsabu punt taħt iż-żona Ewropea, ma jistgħux ifallu meta jaffrontaw lil Marsaxlokk li jinżlu għat-tliet punti biex iserrħu rashom mis-salvazzjoni. 

Il-Pawlisti jridu juru rispett lejn ix-Xlukkajri wara li dawn tal-aħħar eliminawhom mill-FA Trophy ftit tal-ġranet ilu. 

Huma se jkunu ming­ħajr Gonzalo Llerena filwaqt li Marsaxlokk ma jistgħux jagħmlu użu mill-goalkeeper Marko Drobnjak u Tiago Adan Fonseca minħabba li jinsabu sospiżi. 

Iżda għal Marsaxlokk jirritorna Adrian Ferraris. 

Fl-ewwel round iż-żewġ timijiet temmew fi draw ta’ 1-1. 

Floriana v Zebbug R. – Floriana, li fl-aħħar sitt partita kisbu biss żewġ punti, jiltaqgħu kontra Zebbug Rangers li jinsabu fil-ġlieda kontra r-relegazzjoni hekk kif jinsabu tliet punti biss fuq it-team ta’ qabel l-aħħar, Sta Lucia. 

Bla dubju, il-Greens jippruvaw jiġbru ġieħhom f’din il-logħba wara staġun tant diżappuntanti. 

Huma se jkollhom jgħaddu mingħajr is-servizzi taż-żewġ players sospiżi, José Arias u Emiliano Callegari filwaqt li r-Rangers għandhom il-players kollha għad-dispożizzjoni. 

Fil-konfront dirett, il-Furjaniżi kienu għelbu liż-Żebbuġin bl-iskor ta’ 1-0. 

Mosta v Birkirkara – Mos­ta jiffaċċjaw lil Birkirkara fejn huwa imperattiv li jo­ħorġu rebbieħa hekk kif ġejjin minn telfa ta’ 2-1 kontra Hamrun Spartans. 

Jekk Birkirkara joħorġu reb­bieħa, il-Mostin jiġu “eli­­minati” mit-taqtiegħa għat-tielet post. Min-naħa tag­ħhom, l-Istripes jistgħu jaq­bżu fit-tieni post. 

L-uniku player sospiż huwa Paul Mbong ta’ Birkirkara iżda jirritorna Osvaldo Iorio minn sospensjoni filwaqt li Tyrone Farrugia u Jacob Akrong jirritornaw għal Mosta li fl-ewwel round reb­ħu bl-iskor ta’ 2-1. 

Pietá H. v Gudja U. – Pie­tá Hotspurs, li jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika, jiltaqgħu kontra Gudja United.

Rebħa għal dawn tal-aħ­ħar tkun tfisser pass ieħor lejn ir-relegazzjoni għall- Hotspurs. 

Dawn tal-aħħar għandhom tliet players sospiżi – Terence Agius, Alan Schembri Wismayer u Ganiu Atanda Ogungbe iżda jirritorna Daniel Zerafa filwaqt li Neil Anthony Micallef se jkun nieqes għal Gudja. 

Fl-ewwel round Gudja għelbu lil Pietá 1-0.  

Sirens v Sta Lucia – Din hija partita bejn żewġ timi­jiet li ġejjin minn rebħa – Sirens fuq Zebbug Rangers (1-0) u Sta Lucia fuq Pietá Hotspurs (2-1).

Rebħa għal-Luċjani tkun tfisser tama ġdida għas-salvazzjoni. 

L-uniku player sospiż huwa dak ta’ Sta Lucia, Rodolfo Soares. 

Fl-ewwel round iż-żewġ timijiet spiċċaw 0-0.

Ekonomija

Sport