Saturday, October 26, 2024

Kampjonat Premier: Hamrun S. v Floriana tisraq ix-xena

Aqra wkoll

Bejn illum u għada tintlagħab is-16-il ġurnata tal-BOV Kampjonat Premier fejn il-leaders Hibernians jistgħu jkabbru l-vantaġġ hekk kif huma jibdew favoriti kontra Sta Lucia filwaqt li ż-żewġ timijiet ta’ warajhom, Floriana u Hamrun Spartans, jiltaqgħu f’konfront dirett fejn xi ħadd minnhom se jwaqqa’ l-punt … bl-aħjar riżultat għall-Pawlisti jkun dak ta’ draw. 

Partita oħra interessanti hija dik bejn Birkirkara u Gzira United fejn iż-żewġ timijiet jimmiraw li jirritornaw għar-rebħ. 

Min-naħa ta’ Sliema Wanderers, li proprju nhar l-Erbgħa rreġistraw l-ewwel rebħa tal-istaġun meta għelbu lil Balzan, jiffaċċjaw lil Sirens filwaqt li Valletta, li ilhom ma jirbħu għal dawn l-aħħar ħames ħar­ġiet, jilagħbu kontra Gudja United. 

Hamrun S. v Floriana – Dan huwa l-aqwa konfront ta’ tmiem il-ġimgħa hekk kif xejn għajr minn reb­ħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom biex jibqgħu jżommu l-pass mal-leaders Hibernians li għandhom erba’ punti vantaġġ fuq Floriana u sebgħa fuq Hamrun Spartans. Aktar minn hekk, Floriana jridu jpattu għad-diżappunt tat-telfa tal-ewwel round bl-iskor ta’ 2-1.

Huma ġejjin minn erba’ rebħiet infila filwaqt li l-Ħamruniżi ġejjin minn żewġ draws wara erba’ reb­ħiet. 

Peró l-Greens se jkol­lhom jgħaddu mingħajr it- tliet players, Aleandro Garzia, Kristian Keqi u Andrei Ciolacu minħabba li jinsabu sospiżi. 

Min-naħa ta’ Hamrun Spartans, dawn għandhom lil Steve Borg sospiż wara li tkeċċa fid-draw ta’ 2-2 kontra Balzan fejn id-debutt tiegħu dam biss ħames minuti wara li ntwera l-karta l-ħamra wara li daħal bħala sostitut. 

Sta Lucia v Hibernians– Fuq il-karta Hibernians jibdew bħala favoriti li jirbħu din il-partita għal bosta raġunijiet. 

Fl-aħħar żewġ ħarġiet tagħhom huwa sfaw miżmuma fi draw identiku ta’ 1-1 minn Sirens u Mosta biex filwaqt li d-darbtejn irmew il-vantaġġ, huma waqqgħu erba’ punti biex Floriana naqqsu d-distakk għal erba’ punti fil-konfront tagħhom. 

Għalhekk huma jin­żlu determinati kontra team li jinsab fil-11-il post tal-klassifika, jiġifieri, fiż-żona l- ħamra fejn ilhom ma jirbħu mit-tielet ġimgħa ta’ Novembru, jew aħjar sitt partiti li fihom kisbu biss żewġ punti. 

L-istess Sta Lucia se jkunu fit-tmexxija tal-coach il-ġdid, Giovanni Tedesco, li żgur li m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni fil- logħba domestika hekk kif kien fir-responsabbiltá ta’ ħames timijiet – Floriana, Birkirkara, Hamrun Spartans, Gzira United u Sirens.

Fl-ewwel round iż-żewġ timijiet temmew fi draw ta’ 1-1. 

Għal dan il-konfront, iż-żewġ timijiet mistennija jinżlu bl-aħjar formazzjoni. 

Balzan v Mosta – Dan huwa konfront delikat għal Balzan meta jaffrontaw lil Mosta li jinsabu maqbudin fil-ġlieda tar-relegazzjoni. 

Mill-aħħar tliet ħarġiet, il-Balzanin ħadu biss punt fejn kontra Birkirkara (2-3) u Hamrun Spartans (2-2) ma għarfux iżommu vantaġġ ta’ żewġ goals filwaqt li sfaw megħluba minn Sliema Wanderers (1-0). 

Il-Mostin ilhom ma jirbħu għal dawn l-aħħar seba’ logħbiet li fihom ħadu biss tliet punti u allura huwa mperattiv għalihom li joħorġu bit-tliet punti fit-tentattiv li jitbiegħu mill-periklu. 

Balzan għandhom lil Milan Duric sospiż iżda jirritorna Milos Zlatkovic minn sospensjoni. 

Fl-ewwel round Mosta rebħu 2-1. 

Sliema W. v Sirens – Ir-rebħa kontra Balzan kienet tfisser tama ġdida għat-team ta’ qiegħ il-klassifika, Sliema Wanderers, fit-tentattiv li jsalva l-profil tiegħu fl-ogħla diviżjoni. 

Huma jimmiraw li jkomplu jibnu fuq dan is-suċċess meta jiltaqgħu kontra Sirens li ġejjin minn rebħa ta’ 2-1 fuq Sta Lucia. 

Meta fadal 36 punt għad- dispożizzjoni kollox huwa possibbli u bil-potenzjali li jippossjiedu, il-Wanderers huma kapaċi li jsalvaw posthom. 

Fil-veritá, jekk is-Slimiżi jiġu relegati, titlef il-logħba domestika hekk kif huma meqjusa fost l-artistokratiċi tal-football Malti. 

Iż-żewġ timijiet għandhom player sospiż – Mark Scerri għal Sliema u Carlos Riascos għat-team minn San Pawl il-Baħar. 

Ir-riżultat fl-ewwel round kien dak ta’ 2-2.  

Birkirkara v Gzira U. – Din hija partita bejn żewġ timi­jiet li ġejjin minn riżultat ta’ draw u jinsabu fil-bżonn tal-punti fit-tentattiv li jaqtgħu l-passaġġ għaċ-Cham­pion­ship Pool.  

Peró l-pressjoni tinsab kollha fuq il-Gżirjani meta jinsabu fis-sitt post, tliet punt taħt l-is­tess Karkariżi. Rebħa għal dawn tal-aħħar tkun tfisser skoss qawwi għall-Maroons li jistgħu jinqabżu minn Valletta u Balzan. Iżda rebħa tħallihom jittamaw. 

Iż-żewġ timijiet mistennija jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli fejn għall-Maroons jirritorna wkoll Luke Tabone minn sospensjoni. 

Fl-ewwel round iż-żewġ timijiet temmew fi draw ta’ 1-1. 

Valletta v Gudja U.– Valletta jilagħbu kontra Gudja United li rreġistraw rebħa importanti ta’ 1-0 kontra Sliema Wanderers f’konfront dirett tan-naħa t’isfel tal-klassifika. 

Din kienet il-ħames reb­ħa tal-istaġun u t-tieni waħda nfila wara dik impres­sjonanti ta’ 3-0 fuq Sta Lucia biex għamlu pass taj­jeb lejn is-salvazzjoni. 

Min-naħa l-oħra, il-Lilywhites iridu jsibu l-forma solita tagħhom hekk kif għaddejjin minn żminijiet diffiċli u kemmxejn inkwetanti għalihom. 

Huma ilhom ma jirbħu għal dawn l-aħħar ħames ħarġiet li fihom tilfu tlieta fejn kisbu żewġ punti biss.

Huma se jiffaċċjaw team li fl-ewwel round rebħilhom bl-iskor ta’ 2-0.  

Iż-żewġ timijiet għandhom player sospiż … il- goal­keeper Alessandro Guar­none għal Valletta u l-midfielder Llywelyn Cremona għal Gudja United.

Sport