Friday, December 13, 2024

Kampjonat Premier: Hamrun Spartans jergġħu jiżolqu

Aqra wkoll

B’Hibernians jirbħu kontra Valletta u Ham­run Spartans jitilfu kontra Gudja United, issa t-taqtiegħa għar-rebħ tat-titlu tidher li hija bejn il-leaders u t-team ta’ warajhom, Floriana, li jinsabu erba’ punti biss ‘il bogħod minnhom.

F’dan il-programm ma saret l-ebda double, iżda Floriana, Hibernians u Birkirkara kisbu erba’ punti kull wieħed kontra l-avversarji li lagħbu kontrihom waqt li Balzan u Gzira United, Hamrun Spartans u Gudja United ħadu tliet punti kull wieħed mill-konfronti kontra xul­xin bil-logħba l-oħra bejn Sliema Wanderers tara liż-żewġ timijiet jieħdu żewġ punti kull wieħed fi draws.

Il-leaders Hibernians kisbu l-ikbar rebħa tal-programm meta għelbu lil Valletta 4-1 wara li kienu fetħu vantaġġ ta’ tliet goals sa 19-il minuta mit-tmiem.

Il-Pawlisti issa ilhom 18-il logħba bla telfa, jiġifieri, fil-logħbiet kollha li lagħbu dejjem marru lura lejn Raħad il-Ġdid bil-punti fil-but. Iżda Valletta ma jistgħux jgħidu l-istess meta mill-aħħar tmien logħbiet li jissarfu f’24 punt huma ħadu żewġ punti biss li ġew f’din is-sekwenza: draw, tliet telfiet, draw u tliet telfiet.

Huma tilfu disa’ logħ­biet dan l-istaġun li għall-altezza tagħhom huma total kbir. Iżda għad fadlilhom ftit ieħor, eżattament erba’ logħbiet, biex jilħqu r-rekord negattiv ta’ 13-il telfa meta dan seħħ fl-istaġun 2005-06, jiġifieri, 16-il sena ilu.

Hibernians ma setgħux kellhom bidu aħjar meta wara żewġ minuti kien Hugo Vieira li poġġihom fil-vantaġġ waqt li fis-27 minuta Jurgen Degabriele għamilhom tnejn.

Lejn l-aħħar 20 minuta saru tliet goals fi spazju ta’ tmien minuti meta l-ewwel Degabriele għaqqad id-doppjetta b’goal mill-isbaħ tal-istampi fil-71 minuta biex poġġa lit-team ta’ Stefano Sanderra f’pożiz­zjoni iktar stabbli.

Imbagħad fit-78 minuta Kevin Tulimieri naqqas id-distakk għall-Beltin bl-aħħar kelma tkun tas-sostitut Wilfried Domoraud li ssiġilla r-rebħa bir-raba’ goal Pawlist minuta wara.

Floriana żammew il-pass ma’ Hibernians meta għelbu lil Mosta 2-0 b’żewġ goals fit-tieni taqsima biex baqgħu erba’ punti waraj­hom u ħamsa iktar Birkirkara.

Il-Greens għamluhom tmien logħbiet bla telfa li minnhom kisbu 20 punt biex il-pożizzjoni li jinsabu fiha hija waħda mistħoq­qa meta qed ikunu ferm konsistenti. Mindu sentejn ilu saru champions nistgħu ngħi­du li ssaħħew u qed ikunu avversarji diffiċli għal kull team.

Min-naħa tagħhom Mos­ta kienu ġejjin minn tliet rebħiet u draw li rawhom jiksbu l-punti b’mod rego­lari tant li l-10 li rebħu f’dawn il-logħbiet qatgħuhom miż-żewġ timijiet tal-qiegħ tal-klassifika.

Floriana kellhom jistrie­ħu fuq auto-goal sfortunat ta’ Manuel Fernandes fid-69 minuta li għeleb lill-goalkeeper sieħbu f’tentattiv li jbiegħed il-periklu.

Il-goal li ssiġilla r-reb­ħa għat-team tal-coach Tal­jan, Gianluca Atzori, wa­sal fit-93 minn Kemar Reid li huma ħadu dan l-aħħar mingħand Sirens li magħhom skorja sitt goals fl-ewwel nofs tal-istaġun.

Mosta kellhom lil Geoffrey Acheampong jiġi mkeċ­ċi kwarta mit-tmiem talli ta daqqa ta’ ras bla ballun lil Ryan Camenzuli.

Iċ-champions Hamrun Spartans, li kienu qed jaspiraw li jżommu t-titlu għat-tieni staġun infila, kel­­lhom ibaxxu ras­hom kon­tra Gudja United li għelbuhom 1-0 b’goal tard.

Din kienet it-tieni telfa wara l-oħra għat-team ta’ Mark Buttigieg wara li qabel kienu għamlu sensiela ta’ seba’ logħbiet mhux megħluba li kienu jinklu­du erba’ rebħiet u tliet draws f’din is-sekwenza wara li fil-logħba ta’ qabel kienu sfaw megħluba 4-1 minn Gzira United.

Meta għad fadal disa’ logħbiet għat-tmien, erbgħa biex tintemm l-ewwel fażi u ħamsa oħra fiċ-Championship Pool, tidher ferm diffiċli li jilħqu lil Hiber­nians meta dawn qed igawdu 13-il punt fuqhom.

Gudja jidhru li għaqqdu team kompetittiv meta jinsabu ispirati mill-goalkeeper Glenn Zammit li f’din il-logħba ċaħħad lill- Ispartans b’bosta saves biex issa t-team tiegħu jin­sab erba’ punti biss bogħod miċ-champions.

Fl-istaġun li għadda l- Ħamruniżi kienu kisbu double fuq it-team ta’ Thane Micallef iżda dan l-istaġun l-affarijiet żvol­ġew mod ieħor meta kull team kiseb rebħa minn fuq l-ieħor.

Il-goal li ta tliet punti importanti lil Gudjani wasal 11-il minuta mit-tmiem minn Ahinga Selemani li għeleb lill-goalkeeper Matthias Debono li f’din il-logħba kif ukoll f’dik tal-FA Trophy kontra Nax­xar Lions ħa post in-numru wieħed, Henry Bonello.

Gzira United laħqu lil Hamrun Spartans fir-raba’ post tal-klassifika meta għelbu lil Balzan 3-1 fejn għal dawn kienet ir-raba’ telfa wara l-oħra u jekk im­morru ftit lura nsibu li l-Balzanin kisbu rebħa waħda mill-aħħar disa’ ħarġiet.

Il-Maroons kienu ġejjin minn rebħa kbira 4-1 kontra Hamrun Spartans u issa komplew jimxu fuqha b’din ir-rebħa li fiha l-eroj tagħhom kien Maxuell Maia li skorja doppjetta u fl-istess ħin tela’ fl-ewwel post tal-lista tal-iskorers bi 12-il goal.

Maxwell ilu sena mal- Gżirjani wara li kienu ak­kwistawh mingħand Sirens li għalihom laħaq skorja erba’ goals u mal-Maroons skorja sitta għal total ta’ 22 goal.

Maxuell fetaħ l-iskor minn penalty fit-12-il mi­nuta, iżda Bojan Kaljevic kiseb id-draw sitt minuti wara u meta daru żewġ goals oħra minn Maxuell (50) u Toni Kolega (81) issiġillaw ir-rebħa għat-team ta’ Darren Abdilla.

Anke Birkirkara ħadu skoss lura fit-tentattiv li jisfidaw għat-titlu meta ġew miżmuma draw 1-1 minn Sirens li jidhru b’ċans taj­jeb li jkomplu l-istaġun fiċ-Championship Pool.

Iż-żewġ goals waslu fi spazju ta’ erba’ minuti qabel in-nofs siegħa logħob fejn l-ewwel kien Kilian Bevis li poġġa lill-Istripes minn fuq fil-25 minuta waqt li William Avoce ppareġġa għall-Pawlini fid-29 minuta.

Fil-logħba l-oħra ż-żewġ timijiet tal-qiegħ, Sliema Wanderers u Sta Lucia temmew fi draw ta’ 1-1, punt li ftit li xejn sewa liż-żewġ timijiet meta Mosta, it-tielet mill-aħħar, qed igawdu sebgħa u ħames punti  fuqhom rispettivament.

Is-Saints kellhom lill- veteran goalkeeper, Justin Haber, f’burdata mill-aqwa meta ċaħħad lill-Wanderers f’bosta okkażjonijiet.

Il-goals waslu fl-ew­wel taqsima minn Vito Plut (13) għal Sta Lucia u Ruslan Kisil (45+2) għas-Slimiżi.

Fi tmiem il-ġimgħa ż- żewġ timijiet ta’ fuq għandhom konfronti diffiċli meta Hibernians jiltaqgħu kontra Birkirkara u Floriana kontra Gzira United.

Balzan se jiffaċċjaw lil Gudja United fejn jippru­vaw iwaqqfu s-sensiela negattiva bħal ma se jagħmlu Hamrun Spartanns kontra Sirens biż-żewġ timijiet tal-qiegħ, Sta Lucia u Sliema Wanderers, jilagħbu kontra Valletta u Mosta rspettivament.

F’din it-18-il ġurnata tal-istaġun, it-total ta’ goals tela’ għal 16 wara li fis-17-il ġurnata kien ta’ 14-il goal. Dawn il-goals ġew 2 minn player Malti, 13 mill-barranin u auto-goal minn player barrani.

Ekonomija

Sport