Valletta ………..1
Hamrun S. …….2
Fl-aqwa partita ta’ tmiem il-ġimgħa u li ntlagħbet quddiem l-akbar attendenza tal-istaġun, ic-champions Hamrun Spartans għelbu lil Valletta bl-iskor ta’ 2-1, biż-żewġ goals jaslu fl-ewwel taqsima. B’hekk, l-Ispartans telgħu waħedhom fil-quċċata tal-klassifika b’16-il punt, għalkemm għandhom logħba iktar minn Floriana.
Bla dubju, bil-Ħamruniżi l-aqwa team, Valletta kellhom ukoll il-waqtiet pożittivi tagħhom fosthom fit-tieni taqsima fejn irnexxielhom ukoll isibu x-xibka … minbarra li fallew penalty.
Hamrun għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari mal-ftuħ tal-partita u fetħu l-iskor wara biss erba’ minuti permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża mill-viċin ta’ UROS DURANOVIC.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u rduppjaw l-iskor fit-28 minuta permezz ta’ xutt kważi minn tarf il-kaxxa ta’ JONNY li ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper ta’ Valletta, Jake Galea.
Valletta wieġbu fil-45 minuta permezz ta’ free-kick ta’ Brandon Paiber li għadda ftit għoli.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima Valletta ħarġu ferm aggressivi fit-tentattiv li jidħlu fil-partita u fis-47 minuta rebħu penalty meta Joseph Mbong waqqa’ lill-player ta’ Valletta fil-kaxxa.
Mill-11-il metru inkariga ruħu Brandon Paiber li iżda ra t-tentattiv tiegħu jistampa mal-mimduda, bid-difiża tal-Ispartans tkun pronta u tikklerja l-ballun ‘il bogħod minn kull periklu.
Hamrun wieġbu fit-62 minuta meta Luke Montebello qabeż difensur avversarju, iżda kellu x-xutt angolat jintemm ftit għoli.
Il-partita kompliet tiżvolġi b’ħafna logħob f’nofs il-ground b’xi waqtiet nervużi .. sakemm fid-90 minuta FEDERICO FALCONE permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża mill-viċin, naqqas il-marġni tal-iskor għall-Beltin.
Peró, Hamrun żammew il-vantaġġ sat-tmiem.
VALLETTA: 16-Jake Galea, 6-Enzo Ruiz, Fernando Barrientos (15-Klose Azzopardi Conti 82), 9-Santiago Ferraris (13-Jake Azzopardi 82), 11-Luka Susnjara (88-David Garba 52), 20-Federico Falcone, 22-Brandin Paiber, 23-Aldair Quintero (14-Christian Gauci 33), 30-Victor Luis Prestes Filho, 44-Fedrico Vega (93-Diego Nogueira 82), 66-Neil Anthony Micallef – Coach: Vincenzo Potenza
HAMRUN S.: 1-Henry Bonello, 4-Steve Borg (28-Juan Carlos Corbalan 29), 7-Luke Montebello (25-Ederson Bruno Doingos 71), 10-Joseph Essien Mbong, 12-Roko Prsa, 14-Elionay Freitas (42-Nemanja Krstic 79), 23-Uros Duranovic (30-Seth Paintsil 79), 27-Ognjen Bjelicic, 91-Emerson Marcelina, 94-Ryan Camenzuli, 98-Jonny – Coach: Luciano Zauri
REFEREE: Trustin Farrugia Cann
ASS. REFEREES: Luke Portelli, Roberto Vella
RABA’ UFF: Malcolm Spiteri
SKORERS: U. Duranovic, Jonny 28 (H), F. Falcone 92 (V)
AMMONITI: F. Barrientos, F. Vega, N. A. Micallef, D. Garba (V), E. F. Da Silva, O. Bjelicic, R. Camenzuli (H)