Bejn illum u għada tintlagħab l-20 ġurnata tal-Kampjonat Premier, bit-team ta’ Hamrun Spartans jersaq aktar lejn ir-rebħ tat-titlu meta fil-quċċata qed igawdi vantaġġ ta’ 11-il punt fuq l-eqreb rivali, Gzira United.
Huma għandhom test mill-aktar diffiċli meta jaffrontaw lil Birkirkara li jinsabu fit-tielet post.
Min-naħa ta’ Gzira, jilagħbu kontra Floriana fejn jibdew favoriti li jiksbu t-tliet punti kontra team li qed ibati biex jiskorja.
Mosta, li jinsabu fir-raba’ post, jiffaċċjaw lil Valletta filwaqt li Hibernians għandhom impenn pjuttost delikat meta jiltaqgħu kontra Sta Lucia li jinsabu fil-post ta’ qabel l-aħħar.
Hamrun S. v Birkirkara – Dan huwa l-aqwa konfront ta’ tmiem il-ġimgħa fejn Hamrun Spartans jimmiraw li jiksbu d-disa’ rebħa konsekuttiva biex jersqu aktar lejn ir-rebħ tat-titlu.
Min-naħa ta’ Birkirkara jimmiraw għall-ħames rebħa minn sitt logħbiet.
Dan se jkun il-111-il konfront dirett bejn dawn iż-żewġ timijiet fejn f’dawk il-110, l-Istripes rebħu 47 filwaqt li l-Ispartans rebħu 36.
Interessanti huwa l-fatt li Birkirkara kienu għamlu d-debutt tagħhom fl-ogħla diviżjoni Maltija proprju kontra Hamrun, nhar l-1 ta’ Ottubru, 1949, bil-logħba tispiċċa fi draw ta’ 1-1.
Filwaqt li l-Ħamruniżi neżlin bl-aqwa elementi, il-Karkariżi għandhom lil Enzo Cabrera sospiż iżda jirritorna Yannick Yankam minn sospensjoni.
Fl-ewwel round, iż-żewġ timijiet temmew fi draw ta’ 0-0.
Gzira U. v Floriana– Gzira United jilagħbu kontra Floriana fejn jimmiraw li jkomplu bis-sensiela pożittiva meta f’dawn l-aħħar seba’ partiti huma kisbu 19-il punt.
Statistika interessati min-naħa tal-Maroons hija li fl-aħħar disa’ rebħiet qatt ma sofrew goal.
Aktar minn hekk, huma jittamaw li l-aqwa skorer tal-kampjonat, Jefferson De Assis, ikun fil-forma solita tiegħu. Ta’ min jgħid li s’issa huwa skorja 15-il goal … tnejn inqas mit-team ta’ Floriana kollu.
Il-Greens ilhom ma jsibu x-xibka avversarja għal 290 minuta meta l-aħħar li għamlu kien fit-telfa ta’ 2-1 kontra Birkirkara, fil-21 ta’ Jannar li għadda.
Huma se jkollhom jgħaddu mingħajr is-sospiż Matias Nicola Garcia filwaqt li Gzira għadhom nieqes lil Zachary Scerri għall-istess raġuni.
Fl-ewwel round, Gzira ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0.
Marsaxlokk v Gudja U. – Wara li “trejqu” fir-rebħa ta’ 1-0 kontra Sta Lucia, Marsaxlokk jiltaqgħu ma’ Gudja United li prattikament dan il-konfront ma fih l-ebda importanza għall-fatt li t-tnejn jinsabu f’żona komda.
Peró rebħa għal Marsaxlokk tagħtihom impetus aktar b’saħħtu biex jitbiegħu miż-żona tar-relegazzjoni.
Min-naħa ta’ Gudja, dawn tilfu ċ-ċans li jkomplu jisfidaw għal post fil-kompetizzjoni tal-UEFA Conference League meta qatgħu kull kuntatt mit-timijiet ta’ fuq.
Huma għandhom lil Juan Ramires Bolanos sospiż filwaqt li Christopher Edafe Uzeh jiskonta t-tieni sospensjoni għal Marsaxlokk.
Fl-ewwel round, ix-Xlukkarji għelbu lill-Gudjani bl-iskor ta’ 2-1.
Pietá H. v Zebbug R. – Din hija partita bejn żewġ timijiet li jinsabu jiġġieldu għas-salvazzoni.
Filwaqt li Pietá Hotspurs jinsabu ankrati fl-aħħar post, Zebbug Rangers jinsabu fit-tielet post mill-aħħar u b’ċans remot li jista’ jiskappa r-Relegation/Promotion Play-Off kontra t-team min jispiċċa fit-tielet post taċ-Challenge League.
Pietá għandhom lil Daniel Zerafa sospiż filwaqt li Zebbug għandhom lil Shaun Bugeja u lil Travis Bartolo iżda għalihom se jirritornaw Yanis Tonna u Gaetano Gesualdi.
Fl-ewwel round il-Hotspur kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0.
Hibernians v Sta Lucia – Hibernians jibdew favoriti li jiksbu t-tliet punti kontra Sta Lucia li jinsabu fil-post ta’ qabel l-aħħar.
Il-Pawlisti ġejjin minn rebħa wara żewġ telfiet iżda jista’ jkun tard wisq għalilhom biex jisfidaw għal post fiż-żona Ewropea u għaldaqstant xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom.
Huma għandhom lil Gabriel Artiles sospiż iżda jirritorna Yunusa Muritala minn sospensjoni.
Fl-ewwel round Hibs rebħu 3-2.
Valletta v Mosta – Wara li għelbu lil Floriana 2-0, issa Mosta jaffrontaw lil Valletta li ġejjin minn telfa ta’ 1-0 kontra Hamru Spartans.
Il-Mostin jittamaw għal żelqa minn Birkirkara kontra Hamrun Spartans bil-possibbiltá li jilħquhom.
Iż-żewġ timijiet m’għandhomx players neqsin.
Fl-ewwel round Mosta għelbu lil Valletta 3-1.
Sirens v Balzan – Sirens, li fl-aħħar ħames partiti kisbu punt wieħed biss, jaffrontaw lil Balzan li fl-aħħar ħames logħbiet fallew biss żewġ punti.
Sirens jimmiraw għal rebħa biex ikomplu jaċċertaw mis-salvazzjoni minkejja li jinsabu f’żona komda.
Huma għandhom żewġ players sospiżi – Stephane Sessegnon u Amah Ayo Vaikainah. Għal Balzan jirritorna Paul Fenech.
Fl-ewwel round iż-żewġ timijiet temmew 0-0.