Bejn illum u għada tintlagħab il-25 ġurnata tal-BOV Kampjonat Premier fejn il-leaders Hibernians jistgħu jagħmlu pass ieħor lejn ir-rebħ tat-titlu meta jiltaqgħu kontra Gudja United filwaqt li Floriana, li jinsabu żewġ punti warajhom, għandhom konfront diffiċli kontra Birkirkara li qed jissieltu għat-tielet pożizzjoni.
Fin-naħa t’isfel tal-klassifika, wara li Sliema Wanderers ġew relegati, it-taqtiegħa għas-salvazzjoni tidher li se tkun bejn Sta Lucia u Balzan.
Birkirkara v Floriana – Bla dubju, din hija l-aqwa partita ta’ tmiem il-ġimgħa, bejn Birkirkara u Floriana li se jiffaċċjaw lil xulxin darbtejn f’ħamest ijiem wara li nhar it-Tnejn li għadda l-Greens eliminaw lill-Istripes mill-Izibet FA Trophy.
Dan il-konfront huwa importanti ħafna għaż-żewġ naħat minħabba li ma jistgħux ifallu … Floriana biex iżommu l-pressjoni fuq il-leaders Hibernians filwaqt li Birkirkara biex iżommu l-momentum biex itemmu fit-tielet post.
Iż-żewġ timijiet jimmiraw li jirritornaw għar-rebħ.
Floriana dehru sfidanti serji għar-rebħ tat-titlu meta kienu f’taqtiegħa ma’ Hibernians. Iżda fil-veritá, it-tamiet tagħhom sfaxxaw fix-xejn meta fallew tmien punti kruċjali fl-aħħar tliet logħbiet u għaldaqstant id- destin jinsab f’idejn Hibernians.
Min-naħa l-oħra, Birkirkara jridu jsaħħu t-tielet post minħabba li ż-żewġ logħbiet li fadlilhom huma kontra Hibernians u Hamrun Spartans.
Huma se jkunu mmexxija mill-assistant coach, Jonathan Holland, wara li l-coach André Paus ma baqax fit-tmexxija tat-team bi qbil reċiproku mal-kumitat Karkariż.
Huma se jkollhom jilagħbu mingħajr is-sospiż Enrico Pepe iżda jirritorna Oscar Carniello minn sospensjoni. Floriana se jkun bl-aqwa formazzjoni possibbli.
Fiż-żewġ logħbiet preċedenti, Floriana ħarġu rebbieħa 2-1, bl-oħra tintemm fi draw ta’ 1-1.
Gudja U. v Hibernians – Il-leaders Hibernians jaffrontaw lil Gudja United li ġejjin minn rebħa sorprendenti ta’ 1-0 fuq Hamrun Spartans.
Aktar minn hekk, huma jinżlu għal dan il-konfront biex ipattu għaż-żewġ telfiet fir-rounds preċedenti kontra l-Pawlisti bl-iskor identiku ta’ 2-1 li t-tnejn waslu proprju fil-ħin miżjud.
Hibernians ġejjin minn draw ta’ mingħajr goals kontra Floriana liema riżultat ikkuntentahom minħabba li baqgħu fl-ewwel post.
U meta fadal tliet partiti għat-tmiem, huma jibqgħu l-favoriti netti li jirbħu l- kampjonat.
Huma se jkunu msaħħa bir-ritorn ta’ Dunstan Vella minn sospensjoni filwaqt li l-Gudjani se jkollhom jgħaddu mingħajr it-tliet players Gabriel Mensah, Farid Romero Zuniga u Marcelo Dias għax sospiżi.
Hamrun S. v Gzira U. – Hamrun Spartans jilagħbu kontra Gzira United … biż-żewġ timijiet jisfaw eliminati mill-FA Trophy meta tilfu kontra Hibernians u Sta Lucia rispettivament … u se jispiċċaw l-istaġun mingħajr trofew … biex l-unika tama tagħhom issa hija li jispiċċaw fit-tielet post biex jiżguraw post fil-UEFA Conference League.
Filwaqt li l-Ispartans ġejjin minn telfa ta’ 1-0 kontra Gudja United, il-Maroons fallew punti importanti fi draw ta’ 1-1 kontra Birkirkara.
Il-pressjoni tinsab kollha fuq Hamrun hekk kif ġew megħluba fiż-żewġ rounds preċedenti, 1-0 u 4-1.
Huma se jilagħbu mingħajr is-sospiżi Franklin Sasere u Faissal El Bakthaoui iżda Predrag Djordevic jirritorna minn sospensjoni.
Balzan v Valletta – Fil-Play-Out round, Valletta jridu punt wieħed biss biex jaċċertaw mis-salvazzjoni meta jiltaqgħu kontra Balzan li jinsabu fil-post ta’ qabel l-aħħar.
Dan ifisser li l-Balzanin jinsabu fiż-żona l-ħamra u tliet punti taħt Sta Lucia. Għaldaqstant jinsabu f’periklu serju li jitilfu posthom mal-kbar.
Rebħa fuq il-Beltin tkun tfisser nifs ġdid fit-taqtiegħa għas-salvazzjoni … iżda telfa tpoġġihom eqreb lejn l-”għarqa”.
Aktar minn hekk, jista’ jkun li t-team ma jkunx immexxi mill-coach, Paul Zammit, minħabba problemi mal-amministrazzjoni.
Iż-żewġ naħat għandhom il-players kollha disponibbli u se jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli.
Kull team irreġistra rebħa fir-rounds preċedenti – Valletta 1-0 u Balzan 2-1.
Sliema W. v Sirens – Sirens jaffrontaw lil Sliema Wanderers li għalihom it- tliet partiti li fadal huma kollha formalitá wara li sfaw relegati għat-tieni darba fl-istorja tal-club.
Min-naħa l-oħra, Sirens jimmiraw għal rebħa biex jersqu aktar lejn is-salvazzjoni.
Iżda biex jagħmlu dan iridu jgħollu l-livell tagħhom hekk kif l-aħħar rebħa waslet tmien logħbiet ilu u fil-proċess kisbu biss tliet draws.
L-uniku player nieqes se jkun is-sospiż Valmir Berisha iżda l-Wanderers se jkunu msaħħa bir-ritorn ta’ Mark Scerri minn sospensjoni.
Sirens għad iridu jegħlbu lill-Blues wara draw ta’ 2-2 u telfa ta’ 1-0.
Mosta v Sta Lucia – Il-pressjoni tinsab kollha fuq Sta Lucia meta jiltaqgħu kontra Mosta.
Dan il-konfront huwa test ieħor diffiċli għal-Luċjani iżda jinżlu b’moral għoli wara li kkwalifikaw għas-semi-finali tal-FA Trophy għall-ewwel darba fl-istorja tal-club.
B’rebħa jaqbżu lill-istess Mosta iżda telfa tħallihom fil-periklu.
Iż-żewġ timijiet għandhom player sospiż – Luis Riascos għal Mosta u Nicholas Pulis għal Sta Lucia iżda dawn tal-aħħar se jissaħħu bir-ritorn ta’ Dexter Xuereb minn sospensjoni.
Fiż-żewġ partiti diretti preċedenti, waħda ntemmet fi draw ta’ 2-2 filwaqt li Mosta rebħu l-oħra bl-iskor ta’ 1-0.