Bejn illum u għada tintlagħab is-26 ġurnata fejn Hibernians jistgħu jsiru champions għat-13-il darba fl-istorja tal-club. Huma għandhom partita delikata meta jaffrontaw lil Birkirkara li qed jissieltu għat-tielet post.
Partita oħra interessanti hija dik bejn Floriana u Hamrun Spartans b’dawn tal-aħħar ukoll qed jiġġieldu għat-tielet pożizzjoni.
Fin-naħa t’isfel tal-klassifika, jidher li t-taqtiegħa għas-salvazzjoni hija bejn Sta Lucia u Balzan wara li Sliema Wanderers diġá sfaw relegati.
Hibernians v Birkirkara – Il-leaders Hibernians għada jaffrontaw lil Birkirkara.
Il-Pawlisti jinsabu żewġ punti biss bogħod biex jiġu dikjarati champions. Barra minn hekk huma jaċċertaw mir-rebħ tat-titlu jekk Floriana jonqsu milli jegħlbu lil Hamrun Spartans.
Peró huma se jilagħbu kontra team li qed jiġġieled biex itemm fit-tielet post.
Il-Pawlisti huma konxji mit-theddida tal-Istripes hekk kif dawn tal-aħħar kienu l-ewwel team li taw l-ewwel telfa tal-istaġun lill-istess Hibernians u għaldaqstant iridu jinżlu konċentrati għal dan il-konfront.
Min-naħa l-oħra, il-Karkariżi ma jistgħux jiżolqu minħabba li hemm ċans kbir li dan l-istaġun jintemm fuq nota mill-aktar diżappuntanti wara li sfaw eliminati mill-FA Trophy.
Iż-żewġ naħat se jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli hekk kif Birkirkara jilqgħu lil Enrico Pepe minn sospensjoni.
Hibernians għad iridu għelbu lil Birkirkara wara draw ta’ 1-1 u telfa ta’ 3-2.
Floriana v Hamrun S. – Floriana jilagħbu kontra Hamrun Spartans li huma motivati biex jilħqu l-objettiv tagħhom għat-tielet pożizzjoni.
Il-Greens huma rassenjati li jkollhom jikkuntentaw bit-tieni post wara li fl-aħħar logħba spiċċaw fi draw ta’ 0-0 kontra Birkirkara u ilhom ma jirbħu għal dawn l-aħħar erba’ logħbiet fejn kisbu biss żewġ punti … u wittew it-triq għal Hibernians biex finalment jgħollu t-trofew tal-Premier League.
L-Ispartans daħlu fl-isfida għat-tielet post wara li huma għelbu lil Gzira United 2-0 filwaqt li l-Istripes waqqgħu żewġ punti importanti.
Għaldaqstant xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tal-Ħamruniżi.
Floriana se jitilfu s-servizzi tas-sospiż Brandon Paiber filwaqt li Hamrun se jkunu msaħħa bir-ritorn ta’ Franklin Sasere u Faissal El Bakhtaoui minn sospensjoni.
L-Ispartans għelbu lil Floriana 2-1 filwaqt li t-tieni partita spiċċat fi draw ta’ 2-2.
Gzira U. v Gudja U. – Gzira United jimmiraw li jirritornaw għar-rebħ meta jiltaqgħu ma’ Gudja United wara li f’konfront dirett kontra Hamrun Spartans sofrew telfa ta’ 2-0 biex it-tamiet tagħhom li jkomplu jisfidaw għat-tielet post huma mitmuma.
Gudja wkoll ġejjin minn telfa identika ta’ 2-0 kontra Hibernians iżda huma laħqu l-għan tagħhom li kien is-salvazzjoni u issa qed jieħdu pjaċir jilagħbu mat-timijiet elite tal-ogħla diviżjoni.
Huma se jissaħħu bir-ritorn ta’ Gabriel Mensah, Farid Romero Zuniga u Marcelo Dias minn sospensjoni.
Fiż-żewġ konfronti preċedenti, il-Maroons ħarġu rebbieħa 3-2 u 2-1.
Valletta v Mosta – Valletta jiltaqgħu kontra Mosta li jinsabu żewġ punti bogħod mis-salvazzjoni.
Min-naħa tal-Beltin, din il-partita se tkun formalitá minħabba li fi tmiem il-ġimgħa li għadda huma ħadu l-punt li kellhom bżonn kontra Balzan biex aċċertaw mis-salvazzjoni.
Dan huwa test diffiċli għal Mosta u ma jistgħux iwaqqgħu l-punti. Il-goal fil-ħin miżjud li wasal minn free-kick mill-isbaħ ta’ Clayton Failla fil-95 minuta, fid-draw ta’ 1-1 kontra Sta Lucia, għandu jkun motivazzjoni għall-Mostin biex jibbukkjaw posthom fl-ogħla diviżjoni għall-istaġun li ġej.
Peró, anke jekk ma jirnexxielhomx joħorġu rebbieħa kontra Valletta, Mosta xorta waħda jibqgħu biċ-ċans li jsalvaw … jekk Balzan jonqsu milli jegħlbu lil Sirens.
Mosta se jilqgħu lura lil Luis Riascos minn sospensjoni.
Fiż-żewġ partiti preċedenti, Valletta kisbu rebħa ta’ 3-1 filwaqt li t-tieni partita spiċċat fi draw ta’ 2-2.
Sirens v Balzan – Sirens jaffrontaw lil Balzan li għadhom kif inħallu mill- kuntratt mal-coach, Paul Zammit, u għaldaqstant it-team se jkun immexxi mill-assistent tiegħu, Alejandro Pantoja.
Meta fadal żewġ ġranet għat-tmiem tal-istaġun, jidher li t-taqtiegħa għas-salvazzjoni se tkun bejn Balzan u Sta Lucia.
Il-Balzanin jinsabu f’din il-pożizzjoni prekarja wara li mill-bidu tat-tieni round qatt ma kienu konsistenti, tant, li mill-aħħar 13-il partita kisbu biss ħames punti .. u issa hemm il-biżgħa li jistgħu jitilfu posthom wara 11-il sena.
Min-naħa ta’ Sirens, ma għandhom l-ebda problemi għax huma salvi.
L-uniku player nieqes se jkun Sean Cipriott għax sospiż.
Fiż-żewġ konfronti preċedenti, Balzan għelbu lil Sirens fiż-żewġ okkażjonijiet … 6-1 u 2-1.
Sta Lucia v Sliema W.– Sta Lucia jiffaċċjaw lil Sliema Wanderers li diġá ġew relegati u għaldaqstant dan il-konfront għalihom se jkun biss formalitá.
Iżda huma xorta waħda jinżlu biex jirbħu u żgur mhux se jagħmlu l-ħajja faċli għal-Luċjani.
Min-naħa l-oħra, xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji ta’ Sta Lucia hekk kif l-aħħar partita tal-istaġun hija kontra Balzan.
Iż-żewġ timijiet għandhom player sospiż … Jean Carlos Cloth Goncalves għal Sliema u Jurgen Pisani għal Sta Luċija iżda l-Luċijani jilqgħu lil Nicholas Pulis minn sospensjoni.
Il-konfronti preċedenti spiċċaw f’żewġ draws …. 0-0 u 1-1.