Tuesday, December 24, 2024

Kampjonat Premier: Jispikka d-derby bejn Valletta u Floriana

Aqra wkoll

Illum u għada tintlagħab is-17-il ġurnata tal-BOV Kampjonat Premier, bl-aktar partita li tispikka tkun dik bejn ir-rivali eterni, Valletta u Floriana, biż-żewġ timijiet jiddiżappuntaw għall-aħħar hekk kif jinsabu kemmxejn ‘il bogħod biex jissiġillaw post f’xi kompetizzjoni Ewropea. 

Il-leaders Hamrun Spartans jaffrontaw lil Sirens f’partita delikata wara r-reb­ħa mqanżħa ta’ 2-1 fuq Pietá Hotspurs. 

Birkirkara jibdew favoriti li jirbħu t-tliet punti meta jiffaċċjaw lil Sta Lucia filwaqt li mill-partita bejn Gzira United u Hibernians se jiggwadanjaw l-Ispartans hekk kif qed igawdu vantaġġ ta’ 12-il punt.

Valletta v Floriana – Bla dubju, dan id-derby se jqan­qal ir-rivalitá bejn Valletta u Floriana li jeħodna snin lura.

Peró, din id-darba teżisti possbbiltá kbira li ż-żewġ timijiet ma jtellgħux in-­numru kbir ta’ partitarji tas-soltu min­ħabba li, fi staġun mill-aktar diżappuntanti, it-tnejn jinsabu fis-disa’ u fis-seba’ post ris­pettivament għal­kemm il- Beltin lagħbu partita inqas. 

Iż-żewġ timijiet mistennija jinżlu bl-aqwa formaz­zjoni possibbli fejn jirritorna Enmy Pena Beltre għal Valletta minn sospensjoni. 

Min-naħa l-oħra, il-coach tal-Greens, Gianluca Atzori, irid jara kif se jirriorganizza lill-players tiegħu hekk kif ġejjin minn telfa ta’ 2-1 kontra Birkirkara meta għal siegħa sħiħa, dawn tal-aħħar lagħbu bi player inqas meta tkeċċa Kevin Tulimieri. 

Huma jimmiraw li jagħmlu double fuq il-Lilywhites meta fl-ewwel round kienu ħarġu rebbieħa bl-iksor ta’ 1-0, b’goal ta’ Kemar Reid. 

Gzira U. v Hibernians – Dan huwa konfront dirett bejn żewġ timijiet li qed jisfidaw għal post fil-kompetizzjonijiet Ewropej. 

Barra minn hekk, ikun x’ikun l-ezitu ta’ din il-logħba, se jiggwandjaw il-Ħamru­niżi … b’dak ta’ draw ikun l-aħjar wieħed. 

Iżda xejn għajr minn reb­ħa ma tissodisfa l-kriterji taż-żewġ timijiet fit-tentattiv li jkomplu jsaħħu posthom fin-naħa ta’ fuq. 

Hibernians jimmiraw li jpattu għad-diżappunt tal- ewwel round meta l-Maroons kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1. 

Il-Pawlisti  jissaħħu bir- ritorn ta’ Bjorn Kristensen minn sospensjoni.

Għaldaqstant iż-żewġ coaches għandhom iċ-ċans li jutilizzaw l-aqwa esponenti. 

Birkirkara v Sta Lucia– Il-partita bejn Birkirkara u Sta Lucia tiftaħ il-programm tas-17-il ġurnata fejn il-Karkariżi jibdew favoriti minħabba li bħal donnhom sabu l-forma. Huwa ġejjin minn rebħa ta’ 2-1 fuq Floriana wara li tkeċċielhom player kif ukoll kienu fi żvantaġġ ta’ 1-0.

Sta Lucia jinżlu b’moral għoli hekk kif ġejjin minn rebħa ta’ 2-1 fuq Zebbug Rangers. 

Filwaqt li l-Karkariżi fl-ewwel round rebħu 4-0, huma għandhom lil Giacomo Nava u Kevin Tulimieri sospiż. 

Mosta v Pietá H.– Din hija partita bejn żewġ timi­jiet li ġejjin minn telfa … Mosta kontra Hibernians (2-0) u Pietá Hotspurs (2-1) kontra Hamrun Spartans.

Rebħa hija mportanti għaż-żewġ timijiet. Filwaqt li Mosta jridu jkomplu jisfidaw għal post fl-Ewropa, il-Hotspurs huma fil-bżonn tal-punti għas-salvazzjoni.

Il-Mostin jilqgħu lura lit-tliet players, Christ Eme­me, Tyrone Farrugia u Za­chary Brincat minn sospensjoni.

Fl-ewwel round, Mosta kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 4-1.   

Zebbug R. v Gudja U.  – Din hija partita bejn żewġ timijiet li qed jitilfu l-pass għall-għanijiet tagħhom hekk kif ġejjin ukoll minn telfa – Zebbug Rangers kontra Sta Lucia (2-1) u Gudja United kontra Balzan (1-0). 

Filwaqt li ż-Żebbuġin niż­lu fiż-żona l-ħamra, il- Gudjani b’mod gradwali qed jaqtgħu l-kuntatt mat-ti­mijiet ta’ fuq wara bidu tant inkoraġġanti.  

U dan ifisser li tilfu l-opportunitá biex jidħlu fiż-żona Ewropea u jiktbu l-istorja. 

Filwaqt li huma se jkunu bl-aqwa formazzjoni possibbli fejn se jirritorna wkoll Neil Micallef minn sospensjoni, ir-Rangers se jkollhom jgħaddu mingħajr is-servizzi tas-sospiżi, Wil­ker Rocha Santos u Almir de Jesus Maldonado. 

Fl-ewwel round Gudja kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1. 

Balzan v Marsaxlokk – Balzan jimmiraw li jiksbu r-raba’ rebħa konsekuttiva kontra team li ġej minn erba’ telfiet infila. 

Barra minn hekk, Marsa­xlokk ilhom ma jirbħu għal dawn l-aħħar tmien ħar­ġiet li fihom kisbu biss tliet draws … u tliet punti. 

Balzan se jkunu min­għajr is-sospiż Divan Duran Torres iżda jirritorna Nicola Braunovic minn sospensjoni filwaqt li Marsaxlokk se jkun msaħħa bir-ritorn ta’ Daniel Agius u Christopher Edafe Uzeh.

Fl-ewwel round, Balzan kienu rebħu 2-1. 

Hamrun S. v Sirens – Hamrun Spartans mhux mistennija jfallu kontra Sirens biex ikomplu jersqu lejn ir-rebħ tat-titlu. 

Peró, minkejja li ġejjin minn ħames rebħiet konsekuttivi, il-Ħamruniżi mhu­miex qed jirbħu bi skors kbar għall-potenzjal li jippossjiedu. 

Għalihom jirritorna Em­er­son Marcelina filwaqt li għal Sirens jirritornaw Marcelo Pereira Muniz, Rei Tachikawa u Degran Jackson minn sospensjoni. 

PROGRAMM KOLLU

Illum

Tony Bezzina Stadium

2.00 pm: Birkirkara v Sta Lucia

4.15 pm: Mosta v Pietá H. 

National Stadium

2.00 pm: Gzira U. v Hibernians

4.15 pm: Zebbug R. v Gudja U.

Għada

Centenary Stadium

11.00 am: Balzan v Marsaxlokk

National Stadium

3.00 pm: Valletta v Floriana

Tony Bezzina Stadium

3.00 pm: Hamrun S. v Sirens

 

Ekonomija

Sport