Sunday, November 24, 2024

Kampjonat Premier: L-attenzjoni ddur fuq Hamrun Spartans

Aqra wkoll

Ritratt: Dominic Borg

Illum u għada tintlagħab il-ħames ġurnata tal-BOV Kampjonat Premier, qabel il-waqfa tal-kalendarju internazzjonali, fejn l-attenzjoni tkun fuq Hamrun Spartans li s’issa kienu l-aktar team li ddiżappunta meta għandhom biss tliet punti minn possibbiltá ta’ 12.

Floriana v Hamrun S. – Dan huwa konfront bejn żewġ rivali antiki li fih ċ-champions Hamrun Spartans ma jistgħux jitilfu jekk iridu jkunu fit-taqtiegħa għar-rebħ tat-titlu.

Dan minħabba li ġejjin minn tliet telfiet (minn erba’ logħbiet) bil-konsegwenza li jinsabu fit-tielet post mill-aħħar.

Fil-veritá fl-aħħar logħba, dik kontra Balzan, l-Ispartans kienu ineżistenti u t-telfa ta’ 1-0 setgħet kienet ferm akbar li kieku Bojan Kaljevic ma falliex penalty … minbarra li Alex da Pai­xao Alves ġie mċaħħad mill-mimduda.

Huma qed iħossu n-nuq­qas tal-imweġġa’ Matthew Guillaumier bil-konsegwenza li s-settur ta’ nofs il-ground mhux qed jiffunzjona tajjeb hekk kif huwa jġib miegħu versitalitá u kalma fost sħabu … minbarra d-distribuzzjoni eċċellenti tiegħu.

Min-naħa ta’ Floriana, li ġejjin minn rebħa fuq Valletta (3-0) u draw kontra Birkirkara (1-1) bħal donnhom huma team trasformat mill-istaġun li għadda li kien qed jissielet kontra r-relegazzjoni.

Huma jittamaw li ż-żewġ wingbacks, Ryan Camenzuli u Adam Magri Overend, ikunu fl-aqwa forma tagħ­hom hekk kif huma saru strumentali għat-tattika tal-coach Gianluca Atzori.

Gzira U. v Birkirkara – Gzira United jiffaċċjaw lil Birkirkara hekk kif il-Maroons jimmiraw li jibnu fuq ir-rebħa tagħhom ta’ 2-0 fuq Valletta biex issa telgħu fis-seba’ post tal-klassifika.

Bla dubju, huma jinżlu għal dan il-konfront b’mo­ral mill-aktar għoli … iżda dan huwa test ieħor diffiċli u delikat kontra wieħed mit-timijiet li huwa meqjus fost l-isfidanti ewlenin għar-rebħ tal-kampjonat … minbarra li jippossjiedi waħda mill-aqwa difiżi li, flimkien ma’ Floriana, sofrew tliet goals biss.

Il-Maroons jistgħu jagħ­mlu użu mill-attakkant il-ġdid, il-Brażiljan Yuri de Jesus Messias, fil-formaz­zjoni inizjali biex jifforma koppja mal-kompatrijott tiegħu Jefferson de Assis.

Iżda huma jridu joqogħdu attenti miż-żewġ players, Luke Montebello u Federico Falcone, b’dan tal-aħħar huwa l-uniku player li skorja f’kull partita s’issa.

Min-naħa tagħhom, l-Istripes iridu jirritornaw għar- rebħ wara li ġew miżmuma minn Floriana biex iżommu kuntatt mal-leaders Hiber­nians.

Id-difensur ċentrali, Enrico Pepe, għadu dubjuż wara li tilef żewġ logħbiet minħabba injury.

Gudja U. v Valletta – Valletta jaffrontaw lil Gudja United hekk kif ġejjin minn żewġ telfiet konsekuttivi … li fihom naqsu li jiskorjaw … kif ukoll kellhom player imkeċċi f’kull partita.

Bla dubju, li l-Beltin ma tantx jieħdu pjaċir jilagħbu kontra l-Gudjani hekk kif fl-erba’ logħbiet li ltaqgħu kisbu biss erba’ punti minn massimu ta’ 12. 

Il-coach Portugiż, Antonio Cardoso Mendes, mis­tenni jagħmel bosta bidliet fil-formazzjoni inizjali.

Huwa se jkollu lura lil  Christian Gauci minn sos­pensjoni iżda Emny Pena Beltre jibda sospensjoni ta’ tliet logħbet.

Gudja ġejjin minn rebħa ta’ 3-2 fuq Sliema Wanderers fejn jimmiraw għat-tieni waħda nfila fit-tentattiv li jevitaw il-battalja kontra r-relegazzjoni.

Hibernians v Sta Lucia – Il-leaders assoluti, Hiber­nians, jiffaċċjaw lill-ġirien Sta Lucia li għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa.

Bla dubju, il-Pawlisti jibdew favoriti li jirbħu dan il-konfront hekk kif qabdu ritmu li fih kisbu punti massimi u għaldaqstant is-sistema tagħhom qed tiffunzjona fil-perfezzjoni … għal­kemm iridu juru rispett massimu lejn l-avversarji tagħhom li jimmiraw għal sorpriża.

Hibernians huma b’saħ­ħithom f’kull dipartiment.  Immexxija mill-veteran Andrei Agius fid-difiża,  huma jippossjiedu l-aqwa midfield fejn Jake Grech jagħti impetus qawwi lill-attakkanti, tant, li huma l-aktar team li skorja s’issa, b’total ta’ 11-il goal.

Bit-telfa ta’ 3-1 kontra Sirens, il-Luċjani jinsabu f’po­żizzjoni prekarja u telfa kontra Hibernians issir aktar perikoluża hekk kif jin­sabu jmissu maż-żona l- ħamra.  

Mosta v Balzan – Mosta, li jinsabu fil-qiegħ tal-klasifika b’punt wieħed biss, jiffaċċjaw lil Balzan li ġejjin minn rebħa mpressjonanti ta’ 1-0 fuq Hamrun Spartans biex saħħew it-tamiet tagħ­hom li jilħqu l-għan tagħ­hom li jtemmu mal-ewwel erba’ bil-possibbiltá li jikkwalifikaw għal kompetiz­zjoni Ewropea. 

Il-Balzanin bħal donnhom sabu l-forma għall-mod kif iddominaw lill- Ħamruniżi fl-aħħar partita tagħhom li bi ftit aktar fortuna, ir-rebħa setgħet kienet ferm akbar.

Min-naħa l-oħra, il-problemi ta’ Mosta qed jiżdiedu u jeħtieġ li jiġu indirizzati immedjatament b’mod speċ­jali fid-difiża hekk  kif ġiet megħluba disa’ darbiet … medja ta’ 2.25 goals kull partita.

Telfa oħra tkun tfisser li Mosta jinsabu fi kriżi b’pass ieħor lejn ir-relegazzjoni minkejja li ninsabu fi stadju bikri tal-istaġun.

Sirens v Sliema W. – Team ieħor li jinsab fi kriżi  huwa dak ta’ Sliema Wanderers li għandhom żewġ punti biss u jinsabu fiż-żona tar-relegazzjoni.

Huma jaffrontaw lil Sirens li ġejjin minn rebħa ta’ 3-1 fuq Sta Lucia u jinsabu xxamplati fit-tielet post tal-klassifika.

Il-pressjoni tinsab kollha fuq il-Wanderers u bl-ebda mod ma jistgħu jaffordjaw li joħorġu b’idejhom vojta minn din il-logħba.

Huma jridu jagħrfu kif jirriorganizzaw hekk kif ġejjin minn telfa ta’ 3-2 kontra Gudja United meta sal-mistrieħ kienu fil-vantaġġ ta’ 2-1.

Iżda huma kkrollaw fit-tieni taqsima biex sofrew it-tieni telfa tal-istaġun. F’kelma oħra huma għandhom kriżi ta’ kunfidenza.

Min-naħa tal-Pawlini, dawn jippossjiedu l-kre­denzjali kollha biex jiksbu t-tliet punti u jsaħħu t-ta­miet li jtemmu fiċ-Cham­pionship Pool. 

Sport