Il-partita prinċipali tad-19-il ġurnata tal-BOV Kampjonat Premier hija dik tal-lum bejn il-leaders Hibernians u Birkirkara fejn dawn tal-aħħar jistgħu jiftħu beraħ l-isfida għar-rebħ tat-titlu.
Logħba oħra interessanti hija dik bejn Gzira United u Floriana filwaqt li Hamrun Spartans u Sliema Wanderers, li aktar kmieni din il-ġimgħa keċċew lill-coach tagħhom, jilagħbu kontra Sirens u Mosta rispettivament.
Filwaqt li Sta Lucia u Valletta ma jaffordjawx telfa, Gudja United u Balzan jinsabu f’taqtiegħa għal post mal-ewwel sitta.
Hibernians v Birkirkara – Din hija l-aktar partita li tispikka f’dan il-programm fejn Birkirkara jimmiraw li jiftħu t-taqtiegħa tat-titlu.
Iżda huma se jiffaċċjaw lil-leaders Hibernians li l-moral tagħhom huwa wieħed għoli hekk kif ġejjin minn rebħa kbira ta’ 4-1 fuq Valletta. Aktar minn hekk, il-Pawlisti huma l-uniku team bla telfa.
Din hija partita kruċjali għall-Istripes hekk kif jinsabu fit-tielet post iżda distakkati b’disa’ punti.
Għaldaqstant telfa tkun tfisser li tispiċċa t-tama tagħhom li jkomplu jaspiraw għar-rebħ tat-titlu.
Huma ġejjin minn draw ta’ 1-1 kontra Sirens u f’din il-logħba ma jistgħux iwaqqgħu l-punti.
Huma se jkunu mingħajr is-sospiż Kurt Zammit iżda Enrico Pepe jirritorna minn sospensjoni.
Fl-ewwel round iż-żewġ timijiet spiċċaw fi draw ta’ 1-1.
Gudja U. v Balzan – Gudja United jiffaċċjaw lil Balzan li jinsabu fid-disa’ post bil-konsegwenza li jistgħu jkunu involuti fi ġlieda għas-salvazzjoni.
Huma sofrew ħames telfiet fl-aħħar sitt logħbiet wara sensiela ta’ wirjiet ħżiena u jridu jirriorganizzaw biex biex joħorġu mill- periklu.
Min-naħa l-oħra, il-momentum ta’ riżultati pożittivi qed jikber għal Gudja hekk kif kisbu 12-il punt fl-aħħar ħames ħarġiet.
Fi tmiem il-ġimgħa li għadda huma rreġistraw rebħa impressjonanti ta’ 1-0 kontra ċ-champions Hamrun Spartans biex telgħu fis-seba’ post.
L-uniku player nieqes f’din il-partita se jkun is-sospiż Neil Tabone ta’ Gudja United filwaqt li Paul Fenech jirritorna għall-Balzanin li fl-ewwel round kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0.
Sirens v Hamrun S. – Sirens jiltaqgħu kontra Hamrun Spartans li ġejjin minn telfa ta’ 1-0 kontra Gudja United biex prattikament temmew iċ-ċansijiet tagħhom li jkomplu jisfidaw għar-rebħ tat-titlu minħabba li jinsabu 13-il punt wara Hibernians
Huma sofrew is-seba’ telfa tal-istaġun bil-konsegwenza li temmew il-kuntratt tal-coach, Mark Buttigieg, wara li l-istaġun li għadda mexxihom għall-ewwel rebħ tal-kampjonat wara nuqqas ta’ 30 sena. Issa t-team se jkun fdat lil Branko Nisevic.
Min-naħa l-oħra, Sirens kisbu punt siewi kontra Birkirkara fi draw ta’ 1-1 u dan il-konfront jista’ jkun opportunità għalihom biex jaqbżu lill-Ispartans fir-raba’ post … jiddependi l-eżitu tar-riżulat bejn Gzira United u Floriana.
Il-Pawlini se jkollhom jgħaddu mingħajr is-sospiż, Diego Albanese, iżda jilqgħu lura lil Degran Jackson minn sospensjoni.
Fl-ewwel round, Hamrun Spartans għelbu lil Sirens 1-0.
Mosta v Sliema W.– Dan huwa konfront dirett bejn żewġ timijiet li qed jissieltu kontra r-relegazzjoni.
Ħadd minn Mosta u Sliema Wanderers ma jaffordja jitlef iżda l-pressjoni tinsab fuq Sliema Wanderers li jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika.
Mosta għandhom vantaġġ ta’ seba’ punti u rebħa għalihom tkun tfisser pass importanti lejn is-salvazzjoni bil-Wanderers jaqgħu lura b’10 punti li bil-mod biex jiġu rkuprati.
Iżda rebħa għal dawn tal-aħħar tkun tfisser li l-Mostin jinqabdu fit-taqtiegħa għas-salvazzjoni minħabba d-distakk ikun biss ta’ erba’ punti.
Sliema se jkunu mmexxija mill-assistant coach, Noel Turner, wara li tkeċċa l-coach Andrea Pisanu.
Iż-żewġ timijiet għandhom player sospiż…. Geoffrey Acheampong għal Mosta u Inters Gui għal Sliema iżda dawn tal-aħħar se jissaħħu bir-ritorn ta’ Gabriel Aquilina.
Fl-ewwel round Mosta għelbu lil Sliema bl-iskor ta’ 3-2.
Sta Lucia v Valletta – Sta Luċija jiltaqgħu kontra Valletta li ġejjin minn telfa umiljanti ta’ 4-1 kontra Hibernians.
Il-Lilywhites ilhom ma jirbħu għal dawn l-aħħar tmien logħbiet u għaldaqstant ma jistgħux iwaqqgħu aktar punti minħabba l-biżgħa li jistgħu jinqabdu fir-Relegation Pool hekk kif bħalissa jinsabu fit-tmien post u ħames punti bogħod miċ-Championship Pool.
Min-naħa l-oħra xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa lil Sta Lucia hekk kif jinsabu fil-post ta’ qabel l-aħħar. B’telfa kontra Valletta tkun diffiċli għalihom biex jibqgħu fl-isfida kontra r-relegazzjoni.
Jamie Zerafa ta’ Sta Lucia huwa l-uniku player sospiż iżda Ryan Camilleri u Eslit Sala jirritornaw għall-Beltin minn sospensjoni.
Fl-ewwel round Valletta ħarġu rebbieħa 1-0.
Gzira U. v Floriana – Dan huwa konfront bejn żewġ timijiet li rreġistraw rebħa importanti. Filwaqt li Gzira United għelbu lil Balzan 3-1, Floriana rebħu lil Mosta 2-0 hekk kif issa ilhom ma jitilfu għal dawn l-aħħar tmien partiti.
Il-Maroons jittamaw li Birkirkara jiżolqu kontra Hibernians minħabba li rebħa kontra l-Greens tkun tfisser li jersqu punt taħt l-Istripes.
Iżda min-naħa tagħhom, il-Furjaniżi jittamaw li Birkirkara joħorġu rebbieħa minħabba li jekk jegħlbu lil Gzira huma jitilgħu punt wieħed biss taħt Hibernians u b’hekk it-taqtiegħa għar-rebħ tat-titlu tkun bejniethom meta jkun fadal tmien partiti x’jintlagħbu.
Il-players kollha huma disponibbli għaż-żewġ timijiet.
Fl-ewwel round Floriana għelbu lil Gzira United 2-1.