Friday, December 27, 2024

Kampjonat Premier: Rebħa meritata għal Gzira U. fuq Sta Lucia

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Gzira United …..3

Sta Lucia …………1

Gzira United bdew l-istaġun fuq nota pożittiva għal dan l-istaġun meta kisbu rebħa meritata ta’ 3-1 fuq Sta Lucia.

Proprju fl-14-il minuta kie­nu huma li fetħu l-iskor fl-ewwel azzjoni perikoluża meta minn azzjoni ta’ corner, id-difiża ta’ Santa Lucia naqset milli tikklerja l-ballun li ntemm għand MAXUELL MAIA li bir-ras tefa’ ġewwa.

Santa Lucia wieġbu mill- azzjoni li segwiet minuta biss wara meta Dexter Xue­reb ittanta xortih permezz ta’ xutt mid-distanza li iżda ġie mdawwar f’corner mill-goalkeeper Darijan Zarkov. Fil-21 minuta reġa’ kien Xuereb li kellu xutt mill-viċin li għadda jħakkek mal-wieqfa.

Fil-25 minuta, il-Maroons irduppjaw meta JEFFERSON DE ASSIS approfitta minn ħarġa ħażina tal-goalkeeper, Matthew Calleja Cremona, u bit-takkuna qabbeż il-ballun minn il-goalkeeper ta’ Sta Lucia u spiċċa fix-xibka.

Peró, fit-32 minuta, il-Luċjani naqqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ xutt mid-distanza tad-debuttant MIGUEL ANGEL ALBA li qarraq għal kollox b’Darijan Zarkov.

Madankollu, fid-39 minuta, il-Gżirjani reġgħu kabbru l-iskor meta JEFFERSON DE ASSIS b’xutt fil-baxx tefa’ f’lasti vojta wara ħarġa oħra ħażina ta’ Calleja Cremona.

Kien biss fil-71 minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota fit-tieni taqsima,  bil-Luċjani jkunu huma li joħolqu l-periklu meta Liam Ayad Blie Bi Bah għadda taj­jeb lejn il-captain Jurgen Pisani li kellu t-tentattiv fil-baxx tiegħu jiġi mdawwar f’corner minn Zarkov wara li ntefa’ minn tulu fl-art.

Gżira wieġbu żewġ minuti biss wara meta De Assis in­dirizza cross li sab lil Nikolai Muscat li kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin li ħarġet l-aħjar ta’ Calleja Cremona li dawwar f’corner.

Fil-ħin miżjud il-Maroons resqu viċin ir-raba’ goal meta Ricardo Correa Duarte kellu x-xutt tiegħu salvat minn fuq il-linja fatali minn Jurgen Pisani.

GZIRA U.: 30-Darijan Zarkov, 3-Gabriel Bohrer Mentz, 6-Nikolai Muscat, 8-Zachary Scerri (4-Andrew Borg 90), 9-Marcelo Dias, 16-Carlos Luis Riascos, 17-Clive Gauci (7-Steve Pisani 66), 23-Ricardo Correa Duarte, 44-Marko Cosic, 91-Maxuell Maia, 94-Jefferson De Assis (47-Brooklyn Borg 90)   – Coach: Darren Abdilla

STA LUCIA: 1-Matthew Calleja Cremona, 3-Yoel Lorenzo Soares Fonseca (20-Franciasco Rodrigues Farias 60), 5-Sebastian Rier Thomas, 6-Nicholas Pulis (18-Emerson Camilleri 36) (30-Brady Agius 60), 8-Robert Bairan, 9-Davidy Ayrton Valpoort Meghon, 10-Ayad Liam Blie Bi Bah, 14-Dexter Xuereb, 17-Jurgen Pisani, 24-Erick Andres Moreno Serna (19-Reon Saito 54), 27-Miguel Angel Alba   – Coach: Pablo Sanchez

REFEREE: Matthew Degab­riele

ASS. REFEREES: Jurgen Spiteri, Vasil Vasilev

RABA’ UFF: Andrea Sciriha

SKORERS: M. Maia 14, J. De Assis 25, 39 (G), M. A. Alba 32 (SL) 

AMMONITI: M. A. Alba, D. A. Valpoort Meghon, F. Farias Rodrigues (SL)

Ekonomija

Sport