Illum u għada tintlagħab l-24 ġurnata tal-BOV Kampjonat Premier bi programm ferm interessanti.
Dan minħabba li filwaqt li t-taqtiegħa għar-rebħ tat- titlu hija bejn Floriana u Hamrun Spartans, in-naħa t’isfel hija kumplessa u kkumplikata meta għad iridu jiġu deċiżi ż-żewġ timijiet (minn sitta) li se jikkumpanjaw lil Sirens u Gudja United … diġá relegati għaċ-Challenge League.
Floriana għandhom partita diffiċli kontra Marsaxlokk filwaqt li Hamrun Spartans jibdew favoriti kontra Sta Lucia li huma fil-bżonn tal- punti minħabba li jinsabu fil-periklu.
Naxxar Lions u Balzan għandhom bżonn rebħa biex jaċċertaw mis-salvazzjoni meta jilagħbu kontra Sliema Wanderers u Valletta rispettivament.
Filwaqt li l-Wanderers huma kważi assigurati mit- tielet post, xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa lil Valletta li jinsabu fiż-żona tar- relegazzjoni.
Mosta jimmiraw għal rebħa kontra Hibernians li hija imperattiva biex jibqgħu jittamaw li jżommu l-profil tagħhom fl-ogħla diviżjoni.
Rebħa għal Gzira United kontra Birkirkara tkun tfisser pass kbir lejn is-salvazzjoni.
Marsaxlokk v Floriana – Il-leaders Floriana jaffrontaw lil Marsaxlokk li qed jisfidaw għar-raba’ post li jista’ jfisser post fil-UEFA Conference League jekk iż-żewġ timijiet li jinsabu qabilhom fil-klassifika, f’dan il-każ l-istess Floriana u Sliema Wanderers, jirbħu l- FA Trophy.
Dan se jkun it-tielet konfront bejn dawn iż-żewġ timijiet hekk kif fit-tnejn preċedenti l-Greens ħarġu rebbieħa – 3-2 fil-kampjonat u 2-0 fl-FA Trophy.
Il-Furjaniżi jimmiraw li jirreġistraw is-seba’ rebħa konsekuttiva qabel ma jiltaqgħu fil-konfront kruċjali kontra Hamrun Spartans li jista’ jiddeċiedi fejn se jmur it-titlu.
Minbarra li Marsaxlokk huma ostaklu diffiċli, Floriana jridu joqogħdu attenti minħabba li għandhom disa’ players bi tliet karti sofor … u r-raba’ waħda tkun tfisser sospensjoni kontra l-Ispartans.
Għaldaqstant kull pass f’din il-logħba jrid ikun meqjus mill-Furjaniżi.
L-uniku player sospiż huwa Samuel Cassar ta’ Marsaxlokk filwaqt li jirritorna Jake Ghio minn sospensjoni.
Hamrun S. v Sta Lucia – Minkejja li fir-rebħa ta’ 1-0 fuq Gzira United ma tantx impressjonaw, Hamrun Spartans xorta waħda jibdew bħala favoriti netti li jegħlbu lil Santa Lucia li ġejjin minn telfa ta’ 3-0 kontra Marsaxlokk li ħalliethom f’periklu kbir li jitilfu posthom mal-kbar.
U telfa kontra l-Ħamruniżi tressaqhom aktar f’xifer l-irdum!
L-Ispartans se jkollhom jgħaddu mingħajr is-sospiżi Emerson Marcelina u Roko Prsa filwaqt li l-goalkeeper, Henry Bonello, qed jirkupra minn injury fit-tul. Iżda jirritornaw Joseph Mbong u Uros Duranovic.
Min-naħa l-oħra, Abraham Timotipe Ojo huwa sospiż għal-Luċjani.
Fl-ewwel round Harmun rebħu bl-iskor ta’ 3-1.
Sliema W. v Naxxar L. – Din hija partita li Naxxar Lions iridu jirbħu biex jaċċertaw posthom mal-kbar.
Il-pressjoni tinsab kollha fuqhom minħabba li Sliema Wanderers jinsabu xxamplati fit-tielet post tal-klassifika u jidher li probabbilment mhux se jintlaħqu.
Jekk il-Lions jonqsu milli jirbħu, iż-żewġ logħbiet li jkun fadlilhom huma dawk diretti kontra Valletta u Mosta li jinsabu fiż-żona l-ħamra.
Il-Wanderers għandhom lil Gustavo Alcino sospiż iżda jirritorna Bernard Henrique Freire minn sospensjoni.
Fl-ewwel round, is-Slimiżi rebħu bl-iskor ta’ 4-1.
Mosta v Hibernians – Jekk Mosta jridu jibqgħu jilagħbu fil-Kampjonat Pre -mier, xejn għajr minn rebħa ma tikkuntentahom minħabba li jinsabu fiż-żona l-ħamra.
Huma għandhom partita diffiċli kontra Hibernians li ġejjin minn draw ta’ 2-2 kontra Valletta.
Barra minn hekk, iridu jdawru l-fortuni tagħhom minħabba li fl-aħħar erba’ ħarġiet kisbu punt wieħed biss … u issa jridu almenu sitt punti minn tliet partiti.
L-uniku player sospiż huwa l-Mosti, Bradley Farrugia.
Fl-ewwel round iż-żewġ timijiet spiċċaw draw ta’ 0-0.
Balzan v Valletta – Dan huwa konfront mill-aktar interessanti minħabba li ż-żewġ timijiet iridu rebħa … Balzan biex jassiguraw posthom filwaqt li Valletta biex jibqgħu jittamaw.
Jekk Valletta jfallu milli jirbħu jkollhom sieq waħda fiċ-Challenge League.
Kull team għandu player sospiż – Juan Bolanos Ramirez għal Valletta u Ryohei Michibuchi għal Balzan.
Fl-ewwel round iż-żewġ timijiet temmew 0-0.
Gzira U. v Birkirkara – Rebħa għal Gzira United sserħilhom rashom li staġun ieħor jilagħbu fl-ogħla diviżjoni kontra team li qed jisfida għar-raba’ post … Birkirkara.
Jekk juru l-istess impenn li wrew kontra Hamrun minkejja t-telfa ta’ 1-0, ma tkun l-ebda sorpriża li l-Maroons jilħqu l-objettiv tagħhom.
Għall-Karkariżi, li fl-ewwel round kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-2, se jirritorna għalihom Ali Diakite minn sospensjoni.
Sirens v Gudja U. – Dan huwa konfront bejn iż-żewġ timijiet diġá relegati.
Sirens għandhom lil Gilberto Carrara sospiż filwaqt li Gudja United jinżlu bl-aħjar formazzjoni possibbli.
– Cristian Muscat