Fir-raba’ ġurnata tal-BOV Kampjonat Premier jispikka ferm id-derby bejn Floriana u Valletta, li jimmiraw għal rebħa għal diversi raġunijiet iżda l-aktar minħabba r-rivalitá ħarxa li teżisti bejn iż-żewġ lokalitajiet.
Floriana v Valletta – Bla dubju, din hija l-aktar partita li tispikka fil-programm tar-raba’ ġurnata.
Filwaqt li Valletta jinsabu fil-ħames post tal-klassifika, Floriana qegħdin fit-tmien post, punt warajhom.
Floriana jimmiraw li jirritornaw għar-rebħ wara li fl-aħħar żewġ ħarġiet kisbu biss punt fid-draw ta’ 2-2 kontra Sirens u fit-telfa ta’ 1-0 kontra Birkirkara.
Fil-partita kontra l-Istripes huma ġew ikkastigati wara li kienu erratiċi quddiem il-lasti avversarji.
Issa jridu jikkonċentraw f’din il-logħba bil-pressjoni tkun kollha fuqhom minħabba li ma jaffordjawx li joħorġu b’idejhom vojta biex jibqgħu jżommu l-pass mat-timijiet ta’ fuq.
Anke Valletta jinżlu għat- tliet punti wara li ħadu skoss fid-draw ta’ mingħajr goals kontra Sirens.
Minkejja li l-Lilywhties iddominaw il-pussess tal- ballun, huma ma setgħux jinfdu d-difiża avversarja anke jekk lagħbu bi player aktar għal nofs siegħa.
Huma se jkollhom lil Brandon Paiber sospiż wara li tkeċċa tliet minuti mit- tmiem kontra l-Pawlini.
Min-naħa l-oħra Floriana se jkunu mingħajr l-imweġġa’ Jose Arias.
Pietá H. v Mosta – Pietá Hotspurs, li jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika, jiffaċċjaw lil Mosta li ġew umiljati minn Hibernians (5-0) fl-aħħar ħarġa tagħhom.
Il-Hotspurs komplew bis- sensiela negattiva hekk kif huma sfaw megħluba 2-0 minn Hamrun Spartans biex tilfu t-tielet logħba konsekuttiva … u jinsabu mingħajr l-ebda punt minbarra li huma l-uniku team li għadu ma skorjax.
Mosta jridu jpattu għad- diżappunt tat-telfa kontra Hibernians li ħalliethom fin-naħa t’isfel tal-klassifika u għaldaqstant il-moral jinsab kemmxejn baxx.
Iż-żewġ timijiet ma jaffordjawx telfa minħabba l- biżgħa tar-relegazzjoni.
Sirens v Hamrun S. – Sirens jiffaċċjaw lil Hamrun Spartans li għelbu lil Marsaxlokk 1-0 biex b’hekk kienu qed jaqsmu l-ewwel post ma’ Birkirkara.
Din kienet partita ta’ antiċipazzjoni mill-ewwel ġurnata tal-istaġun li kienet ġiet posposta minħabba l-impenji tal-Ispartans fil-UEFA Europa Conference League f’Awwissu.
Min-naħa tagħhom, Sirens għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa meta mit-tliet partiti kisbu biss żewġ punti … telfa kontra Birkirkara (2-0) u żewġ draws kontra Floriana (2-2) u Valletta (0-0).
Fir-realtà, dan huwa żmien diffiċli għal Sirens biex jiffaċċjaw lill-Ispartans li ttrasformaw lilhom infushom bħala forza dominanti tal-football Malti.
Huma mistennija li jinżlu bi pjan difensiv u joperaw bil-kontrattakki.
Sirens għandhom lil Gary Camilleri sospiż filwaqt li l-goalkeeper ta’ Hamrun, Henry Bonello, huwa dubjuż.
Marsaxlokk v Balzan – Dan huwa konfront bejn żewġ timijiet li ġejjin minn telfa.
Il-Balzanin ifittxu li jirritornaw għar-rebħ wara telfa xejn mistennija ta’ 1-0 kontra Gudja United.
Wara staġun diżappuntanti, l-objettiv ta’ Balzan huwa li jtemmu mal-ewwel erbgħa u għaldaqstant il- pressjoni tinsab fuqhom meta se jilagħbu kontra team dixxiplinat.
Wara l-wirja pożittiva kontra Gzira United li fiha kisbu punt fi draw ta’ mingħajr goals, Marsaxlokk sofrew it-tieni telfa meta sfaw megħluba bl-iskor ta’ 1-0 kontra Hamrun Spartans biex għandhom punt wieħed biss minn tliet logħbiet.
Iżda l-wirjiet tagħhom għandhom ikunu ta’ awgurju tajjeb għal-logħbiet li ġejjin.
Iż-żewġ timijiet għandhom il-players kollha għad- dispożizzjoni tagħhom.
Hibernians v Gzira U. – Hibernians jaffrontaw lil Gzira United li fl-aħħar logħba kellhom riżultati kuntrastużi.
Filwaqt li l-Pawlisti kisbu rebħa ta’ 5-0 fuq Mosta, il-Gżirjani temmew fi draw ta’ 0-0 kontra Marsaxlokk.
Għal Hibs spikkaw Jurgen Degabriele u Jake Grech li skorjaw trippletta u doppjetta rispettivament.
B’hekk huma pattew għad-diżappunt tal-umiljazzjoni ta’ 4-1 kontra Hamrun Spartans.
Min-naħa l-oħra, il-Maroons jimmiraw għal rebħa wara żewġ draws biex b’hekk waqqgħu erba’ punti ferm importanti.
Minkejja li huma ddominaw għal ħafna ħinijiet kontra Marsaxlokk, il-Maroons ma setgħux isibu t-triq lejn ix-xibka avversarji.
Kontra Hibernians huma jridu jagħlqu l-ispazji neċċessarji minħabba li dawn tal-aħħar għandhom individwalisti eċċezzjonali li kapaċi jikkastigaw mal-inqas spazju li jingħataw.
Gzira jilqgħu lil Luis Carlos Riascos minn sospensjoni.
St Lucia v Birkirkara – Birkirkara jinżlu għal dan il-konfront bl-objettiv li jżommu r-rekord massimu ta’ rebħiet hekk kif jiltaqgħu kontra Sta Lucia.
Fl-aħħar logħba huma wrew dixxiplina meta għelbu lil Floriana bl-iskor ta’ 1-0 b’goal ta’ Kevin Tulimieri.
Min-naħa l-oħra, Sta Lucia jridu jorganizzaw lilhom infushom wara r-riżultat diżappuntanti kontra Żebbuġ Rangers bl-iskor ta’ 2-0.
Jidher li l-Luċjani mhumiex qed jiffunzjonaw hekk kif l-ewwel indikazzjonijiet huma li se jqattgħu staġun jiġġieldu fin-naħa t’isfel tal-klassifika.
Huma m’għandhom l- ebda rebħa u telfa oħra tkun tfisser aktar inkwiet fiż-żona l-ħamra.
Aidan Cassar se jirritorna għal Birkirkara wara sospensjoni ta’ tliet logħbiet.