Thursday, December 26, 2024

Kampjonat tad-Dinja tas-snooker: Robertson jagħmel il-147 iżda jiġi eliminat

Aqra wkoll

Judd Trump u Jack Lisowski kienu l-aħħar żewġ players li għaddew għall-kwarti-finali li bdew il-bieraħ tal-Kampjonat tad-Dinja tas-snooker li qed isir f’Sheffield. Huma għelbu lil Anthony McGill 13-11 u lil Neil Robertson 13-12 rispettivament.

Lisowski kiseb l-aqwa rebħa tal-karriera tiegħu meta għadda għall-aħħar tmienja għall-ewwel darba fuq il-favorit ta’ qabel it-tournament Robertson.

L-Awstraljan niżżel ismu fl-istorja tal-Crucible meta sar it-tmien player li għamel il-147 fil-post, iżda l-lejla spiċċat f’diżappunt għall-aqwa player ta’ dan l-istaġun meta hija t-tmien sena konsekuttiva li  naqas milli jasal sas-semi-finali.

B’hekk Robertson sar it-tmien player li għamel il-massimu maġiku fil-Crucible wara Cliff Thorburn, Jimmy White,        Stephen Hendry, Ronnie O’Sullivan, Mark Williams, Ali Car­ter u John Higgins. Dan huwa l-176 147 fl-istorja tas-snooker, u l-10 wieħed tal-istaġun.

Għal Lisowski, ir-riżultat huwa spinta ta’ fiduċja kbira, hekk kif reġa’ rebaħ minn 12-11 minn taħt meta rebaħ l-aħħar żewġ frames tal-ewwel partita tal-kampjonat ta’ din is-sena biex daħal fil-frame deċiżiv. Fi tmiem drammatiku, iż-żewġ players tilfu ċansijiet qabel ma n-numru 14 tad-dinja, Lisow­ski, ħa l-opportunità tiegħu.

L-ewwel sessjoni ntemmet 4-4 fejn Lisowski għamel breaks ta’ 55, 65 u 66 waqt li Robertson għamel erbgħa ta’ 62, 76, u żewġ centuries ta’ 117 u 131.

Fit-tieni sessjoni Lisowski ħa vantaġġ ta’ żewġ frames meta mar 9-7 minn fuq bi tliet centuries ta’ 119, 112 u 137 u wieħed ta’ 74 b’Roberston iwieġeb b’60, 54 u 69.

Fit-tielet frame tal-aħħar sessjoni wasal il-147 stupend ta’ Robertson iżda kien Lisowski li baqa’ sejjer għar-rebħa bi    tliet breaks oħra ta’ 53, 88 u 72 b’Robertson jagħmel tlieta oħra ta’ 79, 60 u 55.

Min-naħa tiegħu Trump waqqaf ir-rimonta ta’ McGill biex kompla javvanza meta wara li l-ewwel sessjoni għalqet  4-4, it-tieni waħda rat lil Trump jirbaħha 6-2 biex l-iskor sar 10-6. U hawnhekk deher li l-logħba kienet se xxaqleb lejn naħa waħda, iżda McGill kellu ideat oħra meta resaq 11-10 minn taħt. Hawnhekk Trump għamilhom 12-10 u meta l-Iskoċċiż reġa’ mar frame viċin kien Trump li għalaq il-logħba fl-24 frame.

Matul il-logħba Trump għamel seba’ breaks ta’ 103, 52, 79, 105, 56, 55 u 106 waqt li McGill għamel disa’ li kienu ta’ 129, 68, 60, 97, 106, 78, 77, 124 u 51

Trump qed jimmira għat-tieni titlu tiegħu wara dak tal-2019, meta kien għeleb lil John Higgins 18-9 fil-partita għat-tit­lu. L-unika dehra oħra tiegħu fil-finali kienet kontra Higgins ukoll fl-2011, iżda dak in-nhar l-Iskoċċiż kien ħareġ rebbieħ meta għelbu 18-15.

Il-kwarti-finali, li qed isiru fuq 25 frames ukoll, bdew il-bie­raħ wara nofs in-nhar fejn kemm Mark Williams kif ukoll Ronnie O’Sullivan kienu minn fuq wara l-ewwel sessjoni bl-iskor identiku ta’ 6-2 meta qed jiltaqgħu kontra Yan Bingtao u Stephen Maguire rispettivament.

Ekonomija

Sport