Friday, December 13, 2024

Kampjonat tad-Dinja tas-Snooker: Wilson jirbaħ logħba mill-isbaħ

Aqra wkoll

Kyren Wilson u Noppon Saengkham huma l-14 u l-15-il players li għaddew għat-tieni round tal-Kampjonat tad-Dinja tas-snooker li qed isir fil-Crucible Theatre, Sheffield, u llum nkunu nafu s-16 kollha.

Wilson irkupra minn 3-0 minn taħt biex għeleb lil Ding Junhui 10-8 fl-aqwa partita s’issa, b’ħames century breaks u 12-il break ieħor fuq 50.

Huwa kien fost l-aktar players konsistenti fuq il-palk tal-Crucible f’dawn l-aħħar snin, wara li laħaq mill-inqas il-kwarti-finali kull sena mill-2016. Huwa se jżomm dan ir-rekord għaddej jekk jegħleb lil Stuart Bingham fit-tieni round.

In-numru 5 tad-dinja, Wilson, ra ismu jittella’ mill-kappell kontra ċ-champion tliet darbiet tal-UK Championship, Ding, meta l-ġimgħa li għaddiet sar it-tlugħ każwali, iżda resaq lejn biċċa xogħol diffiċli b’attitudni pożittiva u ħasad il-premjijiet ta’ prestaz­zjoni eċċellenti.

Fil-fatt il-logħba ta’ Wilson kienet qawwija dan l-istaġun. Hu ma żiedx mal-kollezzjoni tiegħu ta’ trofej – il-post ta’ runner-up fil-Gib­raltar Open kien l-aqwa mixja tiegħu.

Ding ma setax kellu bidu aħjar meta fetaħ vantaġġ ta’ 3-0 bi breaks ta’ 64, 110 u 51 u 55 fit-tielet frame. Iżda Wilson ġie f’tiegħu meta għamilhom 3-3 inklużi breaks 101 u 95.

Ding reġa’ fetaħ żewġ frames vantaġġ bi breaks oħra ta’ 54 u 82 bl-iskor isir 5-4 fi      tmiem l-ewwel sessjoni.

Fl-ewwel erba’ frames tas-sessjoni ta’ fil-għaxija kull player rebaħ żewġ frames b’Ding jagħmel 96 u 112 u Wilson 85 u 99.

Iżda r-rebħa marret għand Wilson li rebaħ tlieta mill-aħħar erba’ frames bi breaks ta’ 126, 65 u 62 b’Ding jagħmel tnejn ta’ 117 u 54.

Noppon Saengkham sar missier għall-ewwel darba din il-ġimgħa – iżda se jkollu jistenna ftit biex jara t-tarbija l-ġdida tiegħu fit-Tajlandja li se jsemmu Believe, hekk kif ir-rebħa tiegħu ta’ 10-5 fuq Luca Brecel ratu jgħaddi għat-tieni round.

Noppon kien fil-kmand tal-logħba tant li temm l-ewwel sessjoni 6-3 fil-vantaġġ b’żewġ century breaks ta’ 110 u 127. L-iskor sar 9-3 b’Noppon jagħmel żewġ breaks oħra ta’ 56 u 54 biex ġie frame biss bogħod mir-rebħa.

Iżda Brecel ma tefax ix-xugaman tant li rebaħ iż-żewġ frames li kien imiss biex naqqas id-distakk għal 9-5 fejn anke għamel l-uni­ċi breaks tiegħu fil-logħba ta’ 51 u 109 peró l-aħħar kelma kienet ta’ Noppon li rebaħ il-15-il frame biex kompla javvanza.

Ekonomija

Sport