Friday, December 13, 2024

Kampjonat tar-Roti: Pierre Borg u Juleanne Vassallo jirbħu t-tieni tellieqa

Aqra wkoll

Pierre Borg (Mosta) u Juleanne Vassallo (Team Greens) rebħu ż-żewġ kategoriji ewlenin tat-tieni tiġrija mill-Kampjonat tar-Road organizzat mill-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu li nżammet f’Tal-Maqluba. Madankollu l-aħjar ħin irreġistrah iż-żagħżugħ Luke Borg ta’ The Cyclist li rnexxielu jidħol l-ewwel f’ħin ta’ sagħtejn, 40 minuta u 12-il sekonda. Kien ferm xieraq li Luke Borg jiddedika din ir-rebħa lil Jack Schiavone, president tal-club tiegħu li ħalliena ftit jiem ilu.

Fil-fatt qabel dawn it-tiġrijiet saru messaġġi minn John Zammit u Joe Bajada, president u segretarju ġenerali rispettivament tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu dwar it-telfa kbira li sofra ċ-ċikliżmu Malti kif ukoll l-isport Malti in ġene­rali, bil-mewt ta’ Jack Schiavone, fejn inżammet ukoll minuta silenzju għal memorja tal-istess Jackie fil-preżenza ta’ Caroline, Luca u Nick, l-mara u t-tfal tal-mibki iżda qatt minsi Jack Schiavone.

Iċ-champion renjanti Pierre Borg ta’ Mosta AF Sign Studio rebaħ il-Kategorija Elite meta spiċċa fl-ewwel post fi sprint finali wara 10 laps fuq distanza ta’ 92km f’ħin ta’ f’sagħtejn, 40 minuta u 13 il-sekonda. Warajh spiċċaw rispettivament fit-tieni u t-tielet post, żewġ ċiklisti tat-Team Greens, Etienne Bonello (2:40:18) u Clive Ebejer (2:40:20).

Fil-kategorija tan-nisa ħarġet rebbieħa  Juleanne Vassallo tat-Team Greens fejn spiċċat is-sitt laps tagħha f’siegħa, 48 minuta u 29 sekonda. Warajha daħlet Marquita Muscat ta’ The Cyclist (1:49:20)

Justin Gauci ta’ Mosta AF Sign Studio rebaħ il-Kategorija Master 40+ meta spiċċa l-ewwel fis-sitt laps tiegħu f’ħin ta’ siegħa, 40 minuta u 35 sekonda. Nicholas Schembri tat-Team Greens (1:40:40) spiċċa t-tieni filwaqt li fit-tielet pożizjoni daħal Ivan Zammit ta’ B’Kara St Joseph (1:40:57). Il-Kategorija tal-Masters Over 50 intrebħet minn Mario Attard tat-Team Greens f’ħin ta’ siegħa, 40 minuta u 38 sekonda. Warajh spiċċaw rispettivament Steve  Andrew Bell ta’ The Cyclist (1:40:42) u Kevin Muscat ta’ Mosta AF Sign Studio (1:42:29).

Il-Kategorija tal-Under 23 kienet iddominata minn Luke Borg ta’ The Cyclist meta temm l-għa­xar dawriet tiegħu quddiem kulħadd f’sagħtejn, 40 minuta u tnax il-sekonda. Warajh f’din il-kategorija spiċċaw rispettivament żewġ ċiklisti ta’ B’Kara St Joseph, Daniel Briffa (3:22:37) Shaun Michael Darmanin (3:23:47).

Jacob Schembri ta’ Mosta AF Sign Studio rebaħ il-Kategorija tal-Juniors meta temm l-għaxar dawriet tiegħu f’sagħtejn, 40 minuta u 15 il-sekonda, filwaqt li Ishmael Grima ta’ Shamrock Stars rebaħ il-kategorija Under 16 meta spiċċa ż-żewġ dawriet tiegħu fi 38 minuta u  33 sekonda.

Fi tmiem dawn it-tiġrijiet saru l-premjazzjonijiet tal-midalji lir-rebbieħa minn Caroline, Luca u Nick Schiavone li kienu assistiti minn John Zammit u Joe Bajada, president u segretarju ġenerali rispettivament tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċik­liżmu. 

It-tiġrija li jmiss ser tkun it-tielet u aħħar waħda mill-Kampjonat Time Trail  fil-Miżieb nhar il-Ħadd li ġej 24 ta’ Lulju 2022 li tibda fis-7.15 am bit-tiġrijiet taż-Żgħar.

Ekonomija

Sport