Sunday, October 27, 2024

Kampjonat tas-Snooker: Il-kbar ikomplu jikkwalifikaw

Aqra wkoll

Yan Bingtao nqala’ minn paritá ta’ 5-5 biex għeleb lil Chris Wakelin 10-6 fl-ewwel round tal-Kampjonat tad-Dinja tas-snoo­ker li qed isir fil-Crucible Theatre ta’ Sheffield, wara li għamel żewġ century breaks u disgħa oħra fuq il-50, biex kompla javvanza flimkien ma’ John Higgins u Jack Lisowski.

Breaks ta’ 71, 68, 79, 69, 56, 62, 84 u 100 għenu biex Yan ikun fil-vantaġġ ta’ 5-4 fl-ewwel ses­sjoni. Wakelin rebaħ l-ewwel frame tas-serata bi break ta’ 77 biex ikkwadra l-partita. L-Ingliż kellu ċ-ċans jieħu l-11-il frame minn 56-0 minn taħt iżda falla jippottja t-tielet ħamra mill-aħħar diffiċli mal-cushion tal-ġenb fuq 28, u ma damx ma sab ruħu lura għal 6-5.

Il-break eċċellenti ta’ Yan ta’ 106 irdoppja u żied it-13-il frame skabruż biex sal-mistrieħ għamilhom 8-5. Wakelin seta’ ġibed frame lura iżda tilef l-aħħar ħamra meta kien 53-46 minn taħt fl-14-il, li peró rebħu Yan.

Huwa kien biss tliet boċċi bogħod mir-reb­ħa fil-15-il frame meta falla li jippottja t-tielet l-aħħar ħamra, u Wakelin approfitta biex naqqas id-distakk għal 9-6. Yan għamel 48 f’dak li jmiss qabel ma spiċċa barra mill-pożizzjoni, iżda malajr kiseb ċans ieħor u żied il-punti li kellu bżonn.

John Higgins ammetta li kellu “ħsibi­jiet tal-ġenn” wara żball xokkanti lejn tmiem il-konfront kontra Thepchiaya Un-Nooh, iżda huwa kkompona ruħu fil-ħin biex rebaħ 10-7 u kompla javvanza.

Higgins irkupra minn żvantaġġ ta’ 5-4 meta rebaħ sitta mill-aħħar tmien frames, u aċċerta t-tmien dehra konsekuttiva tiegħu fit-tieni round.

Iżda ma kinitx sempliċi għal-leġġendarju Higgins hekk kif sofra effett nervuż wara li ħalla lil Un-Nooh jerġa’ jidħol fil-partita fil-15-il frame. Lest biex jmur 9-6 fil-vantaġġ u jillidja b’21 punt wara li ppottja l-aħħar ħamra, huwa tilef il-frame u wara għamel diversi żbalji oħra fis-16-il frame b’Un-Nooh ma approfittax u Higgins kien kapaċi jerġa’ jirriorganizza.

Un-Nooh illidja 5-4 fil-lejl ta’ qabel u kellu l-ewwel ċans il-bieraħ filgħodu, iżda falla ħamra fuq 32. Higgins ikkastigah bi break ta’ 75 biex kiseb id-draw. Fil-11-il frame r-rwoli nqal­bu hekk kif Higgins għamel 43 qabel ma falla l-ħadra, u Un-Nooh approfitta b’77. Higgins iddomina ż-żewġ frames ta’ wara bi breaks ta’ 47, 53 u 100 biex wasal għal 7-6 sal-mistireħ.

Imbagħad Higgins rebaħ żewġ frames biex mar 9-7 minn fuq u fis-17-il frame għalaq il-logħba b’65.

It-tielet player li għadda lbieraħ kien Jack Lisowski li għeleb lil Matthew Stevens 10-8 f’logħba interessanti b’Lisowski jirbaħ l-ewwel żewġ frames bi breaks ta’ 53 u 58 fit-tieni wieħed.

Stevens ippareġġa iżda Lisowski rrisponda b’erba’ frames rebbieħa nklużi breaks ta’ 106, 100 u 52 u 73 fis-seba’ wieħed.

Stephens għamel bħalu biex l-iskor sar 6-6 bi breaks ta’ 108, 54, 99 u 69 bil-logħba tkompli fuq l-istess andament għax hawn kien Lisowski li rebaħ tlieta oħra bi breaks ta’ 78, 51 u 83 waqt li Stephens resaq 9-8 viċin bi breaks ta’ 71 u 65. Iżda l-aħħar kelma kienet Lisowski li rebaħ it-18-il frame u l-logħba.

Sport