Sunday, November 24, 2024

Kampjonati Dinjija Akwatiċi: Ġurnata glorjuża għall-Awstraljani

Aqra wkoll

L-Awstraljana Ariarne Titmus u l-Franċiż Leon Marchand it-tnejn stabbilew rekords mondjali ġodda tal-għawm fil-ġurnata tal-ftuħ fil-pixxina fil-Kampjonati tad-Dinja Akwatiċi f’Fu­kuoka, il-Ġappun.

Titmus, ta’ 22 sena, reb­ħet il-finali tal-400m freestyle tan-nisa ta’ klassi għolja fil-ħin ta’ tliet minuti 55.38 sekondi.

Marchand waqqa’ 1.34 sekondi mill-aħħar rekord dinji li kien fadal ta’ Michael Phelps fl-400m medley individwali tal-irġiel.

Il-ħin ta’ 4:02.50 taż-żagħżugħ ta’ 21 sena għeleb il-marka stabbilita minn Phelps fl-2008.

“Dan kien tal-ġenn,” qal Marchand, li se jkun wie­ħed mill-uċuħ tal-Olimpjadi ta’ Pariġi tal-2024.

“Din kienet l-aktar ħaġa straordinarja li qatt għa­milt. Li tagħmel dan hawnhekk huwa biss tal-ġenn. Il-kbir għadu ġej.”

Carson Foster tal-Istati Uniti daħal aktar minn erba’ sekondi wara Mar­chand fit-tieni post, filwaqt li Daiya Seto tal-Ġappun ħa l-midalja tal-bronż.

Iċ-champion Olimpika Titmus qaxxret 0.7 sekondi mir-rekord preċedenti fl-400m freestyle tan-nisa, stabbilit minn Summer McIntosh tal-Kanada f’Mar­zu li għadda.

Iċ-champion renjanti tad-dinja, l-Amerikana Katie Ledecky, ta’ 26 sena, kisbet il-fidda, filwaqt li Erika Fairweather ta’ New Zealand, 19-il sena, rebħet il-bronż u McIntosh ta’ 16-il sena spiċċat barra l-midalji fir-raba’ post.

“Kont tassew eċċitata għal din it-tellieqa,” qalet Titmus mar-ritorn tagħha fil-Ġappun, wara li rebħet id-deheb fl-Olimpjadi tal-2020 f’Tokjo.

“Jien ma tantx għomt fl-aqwa tiegħi fid-dinja mill-Olimpjadi. Katie u Summer dejjem għamlu tlielaq mill-aqwa u ninsab kuntenta li stajna nagħtu spettaklu.”

It-team Awstraljan ta’ Mollie O’Callaghan, Shayna Jack, Meg Harris u Emma McKeon, ukoll kiser ir-rekord dinji fir-relay tan-nisa 4x100m freestyle, fejn rebaħ id-deheb fi 3:27.96, qabel l-Istati Uniti u ċ-Ċina.

L-irġiel tal-Awstralja reb­ħu d-deheb ukoll fl-4x100m freestyle relay, meta Jack Cartwright, Flynn Southam, Kai Taylor, Kyle Chalmers, daħlu fil-ħin ta’ 3:10.16, bil-fidda jeħduha l-Italja u l-bronż l-Amerikani.

Iktar kmieni, l-Awstraljan Sam Short, ta’ 19-il sena, rebaħ il-finali tal-ftuħ tal-kampjonati, fejn kiseb id-deheb fl-400m freestyle tal-irġiel fi 3:40.68 wara li mess il-ħajt 200 ta’ sekonda biss quddiem iċ-champion Olimpiku, it-Tuneżin Ah­med Hafnaoui, li ħa l-fidda u l-Ġermaniż Lukas Martens li ħa l-bronż.

Il-bieraħ saru erba’ finali oħra, tnejn tal-irġiel u tnejn tan-nisa, li ntrebħu minn għawwiema miċ-Ċina, li ħadu tnejn, Taljan u Amerikan.

Fil-100m butterfly kien Qin Halyang li rebaħ il-midalja tad-deheb fil-ħin ta’ 57.69 sekondi bil-fidda tmur għand it-Taljan Nicolo Martinenghi, l-Olandiż Arno Kamminga u l-Amerikan Nik Fink li t-tlieta daħlu fl-istess ħin ta’ 58.72 sekondi biex kollha rebħu l-fidda u għalhekk il-bronż ma ngħatatx.

It-tellieqa l-oħra tal-irġiel kienet dik tal-50m butterfly li marret għand it-Taljan Thomas Ceccon li rebaħ fi 22.68 sekondi segwit fit-tieni post mill-Portugiż Dio­go Ribeiro li daħal fi 22.80 biex ħa l-fidda u l-Franċiż Ma­xime Grousset li ħa l-bronż fi 22.82 sekondi.

Fil-kategorija tan-nisa saru żewġ finali. Zhang Yufei taċ-Ċina rebħet il-100m butterfly f’56.12 sekondi waqt li Maggie MacNeil tal-Kanada ħadet il-fidda f’56.45 sekondi u l-Amerikana Torri Huske l-bronż f’56.61 sekondi.

Kate Douglass tal-Istati Uniti rebħet il-200m medley individwali f’2:07.17 minuti biex ħadet id-deheb waqt il-kompatrijotta tagħha,   Alexandra Walsh ħadet il-fidda f’2:07.97 u ċ-Ċiniża Yu Yiting il-bronż f’2:08.74.

Sport